Saturday, September 14, 2024

Joe Biden “jaqbel” dwar summit ma’ Vladimir Putin

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Joe Biden qabel, “fi prinċipju”, li jipparteċipa f’summit mal-mexxej Russu Vladimir Putin li fih tiġi diskussa l-kriżi Ukrena. 

Il-White House qalet li d-diskussjonijiet, li kienu proposti minn Franza,  isiru biss jekk ir-Russja ma tinvadix lill-ġar tagħha. Dan is-summit jista’ jkun wieħed kruċjali hekk kif jista’ jipprovdi soluzzjoni diplomatika għal waħda mill-agħar kriżijiet fl-Ewropa f’dawn l-aħħar deċenji. L-uffiċjali tal-Istati Uniti qed jisħqu li l-informazzjoni li għandhom turi li r-Russja hija lesta biex twettaq operazzjoni militari fuq l-Ukrajna, ħaġa li Moska dejjem ċaħdet. 

Il-proposta ta’ laqgħa bejn Putin u Biden tħabbret mill-Presidenza Franċiża wara telefonati maż-żewġ mexxejja. It-telefonata bejn Putin u l-President Franċiż Emmanuel Macron ħadet kważi tliet sigħat filwaqt li dik ma’ Biden ħadet madwar kwarta. Stqarrija maħruġa mill-uffiċċju ta’ Macron kienet tgħid li d-dettalji dwar il-possibbiltà ta’ summit se jkunu diskussi waqt laqgħa bejn is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov nhar il-Ħamis li ġej. 

Skont l-aħħar informazzjoni tal-Istati Uniti rigward it-tensjoni fil-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukrajna, jidher li tal-ewwel għandha skjerati xejn inqas minn 150,000 suldat. Informazzjoni miġbura minn ritratti meħudin mis-satellita jidher li fl-aħħar jiem ir-Russja żiedet in-numru ta’ truppi u armamenti fil-fruntiera mal-Ukrajna u dan qiegħed jagħti indikazzjoni li r-Russja qiegħda tkompli tipprepara biex tinvadi. Dan fl-istess waqt li t-taħriġ militari bejn ir-Russja u l-Belarus għadu għaddej.  

Ekonomija

Sport