Thursday, April 18, 2024

Joe Caruana se jinħatar bħala Kummissarju tat-Taxxi

Aqra wkoll

Is-Sur Marvin Gaerty, li llum jokkupa l-ħatra ta’ Kummissarju tat-Taxxi, se jkun qed jitlaq din il-kariga fuq talba tiegħu stess b’seħħ mill-aħħar ta’ dan ix-xahar. Dan għamlu f’ittra lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, li aċċetta x-xewqa tas-Sur Gaerty, biż-żewġ naħat jaqblu li dan kollu jidhol fis-seħħ fi tmiem dan ix-xahar biex ikun hemm ċans ta’ tranżizzjoni kif għandu jkun. Malli jtemm il-ħatra kurrenti tiegħu, is-Sur Gaerty se jkun qed imexxi working group konsultattiv fil-qasam tat-taxxa fil-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol.

Sadanittant, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kkonfermat in-nomina mressqa mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni biex bħala Kummissarju tat-Taxxi jinħatar is-Sur Joe Caruana, li bħalissa qiegħed iservi bħala Segretarju Permanenti. Is-Sur Caruana serva f’diversi ministeri bħala Segretarju Permanenti, fosthom f’dak għall-Edukazzjoni, għall-Finanzi u bħalissa fil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali. Is-Sur Caruana se jkun Designate Commissioner for Tax sa tmiem dan ix-xahar u jieħu l-ħatra ta’ Kummissarju b’seħħ mill-1 ta’ Frar 2022.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar ħatar lis-Sur Johan Galea biex ikun is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali b’seħħ mill-1 ta’ Frar 2022, iżda b’perjodu ta’ tranżizzjoni li jkun b’seħħ immedjat. Is-Sur Galea ilu Segretarju Permanenti mill-2016 u serva fil-Ministeru għall-Ġustizzja.

Ekonomija

Sport