L-atleti Dillon Cassar u Joelle Cortis, kisru r-rekord nazzjonali tal-10k b’żewġ prestazzjonijiet mill-aqwa fil-Brighton Marathon Weekend, li saret il-Ħadd, fi Brighton stess.
Cassar, ta’ Mellieħa AC, kiser ir-rekord nazzjonali li kien kiseb hu stress f’Madrid f’Settembru li għada, b’ħin ta’ 30:47.7 fejn spiċċa r-raba’ fil-klassifika fost l-irġiel. It-tellieqa ntrebħet minn Ronnie Wilson b’ħin ta’ 30:03.07.
Cortis (Zurrieq Wolves AC), fl-ewwel tellieqa tagħha taħt il-kowċ ġdid Nick Anderson ġriet ħin uffiċjali ta’ 35:36.1, l-aktar ħin veloċi li qatt ġriet atleta Maltija f’tellieqa ta’ 10km fit-triq, fejn spiċċat fil-ħames post. Hija tejjbet ir-rekord li kien f’idejn Michelle Dimech li kien stabbilit f’Ateni, fil-Greċja ftit xhur ilu. Din il-kompetizzjoni ntrebħet minn Nathasha Cockram f’ħin ta’ 33:28.3.
Il-parteċipazzjoni taż-żewġ atleti fi Brighton kienet parti minn serje ta’ kompetizzjonijiet fejn l-atleti qed jiġu appoġġjati biex jikkompetu f’avvenimenti ta’ livell internazzjonali bl-appoġġ ta’ Athletics Malta, SportMalta, Kumitat Olimpiku Malti u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.