Sunday, May 5, 2024

Jogħlew b’mod qawwi il-prezzijiet ta’ servizzi ta’ aluminju u injam

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum qegħdin jiġu nies għandna iridu xogħol b’injam ta’ kwalità imma bil-prezzijiet ta’ kumpaniji li jbiegħu għamara irħisa. Kif jista’ jkun? L-injam għola b’xejn inqas minn 35 fil-mija u qegħdin nsitennew li jkompli jogħla. Ġie affettwat sew is-suq minħabba l-gwerra fl-Ukrajna. Ma nistgħux aħna nagħmlu għamara b’injam solidu u ta’ kwalità bi prezzijiet li qegħdin isemmu ċertu klijenti. Nista’ ngħidlek li biex tagħmel bieb tal-injam illum il-prezz kważi irdoppja. Wiċċ tal-injam għall-kċina postform sa ftit xhur ilu kien jiġik xi €250, illum trid kważi €500.  Ix-xogħol qed jonqos, għallinqas hekk qed nara. Jiġu jistaqsuk stimi, jgħidulek għidli l-inqas taħdimielhom u ma tarahomx aktar. Mhu qed nagħti tort il-ħadd, imma aħna qegħdin inbatu doppjament għax kemm l-injam għola u anke it-trasport tiegħu u dan irrifletta fil-prezz”.

Xi injam irdoppja fil-prezz … ieħor żdied f’20 fil-mija

Mastrudaxxa li tkellem ma’ dan is-sit wara li l-ġimgħa li għaddiet ippubblikajna kif għolew prodotti  marbutin ma’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, qalilna li “nista’ ngħidlek li injam solidu bħal dak tal-‘oak’ u l-‘plywood’ kważi irduppjaw fil-prezz. Hemm tipi oħra ta’ injam li żdiedu b’20 fil-mija jew ftit aktar. Ir-raġunijiet li qegħdin ningħataw hu li ġew affettwati kunsinji li kienu jiġu mill-Ukrajna. Il-prezzijiet kienu qegħdin jinbidlu kontinwament u milli qegħdin jgħidulna jidher li se jkomplu jogħlew”.

Importatur li tkellem magħna qalilna li “l-injam ilu jogħla ftit ftit. Ħa daqqa ta’ ħarta bl-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Biex tifhem eżatt kemm hi importanti ir-Russja u l-Ukrajna għan-negozju tal-injam, biżżejjed ngħidlek li matul is-sena li għaddiet  aktar minn nofs tal-injam impurtat fl-Unjoni Ewropea kien ġej mir-Russja, l-Ukrajna u l-Belarus. Li ġara kien li wara l-invażjoni tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit żammew l-importazzjoni ta’ injam mir-Russja. Dan sar bħala parti mis-sanzjonijiet fuq għadd ta’ prodotti fosthom azzar u siment. Ir-riżultat kien li l-prezzijiet bdew telgħin b’mod qawwi”.

L-istess importatur enfasizza li “s-sanzjonijiet ma kienux biss fuq ir-Russja imma anke fuq il-Belarus u allura l-effett fuq il-prezz tla-injam kien ferm akbar. Ma’ dawn trid iżżid il-fatt li l-injam trid titrasportah, tnixxfu u titrattah bi sħana u dan isir fil-fjuwils, li kawża tal-gwerra għolew ukoll. Bħala pajjiż ġejna affettwati ukoll bit-trasport, fejn il-prezzijiet tat-trasport għolew u dan irid jiġi rifless fil-prezz tal-istess injam”.  L-istess importatur qalilna li “hawn ċerti prodotti tal-injam li saru skarsi ħafna u mhux jiġu.”

L-aluminju għola b’65 fil-mija

Prodott ieħor li ġie affettwat b’mod negattiv ħafna hu l-aluminju. Negozju li jispeċjalizza fis-servizzi ta’ aluminju qalilna li “l-aluminju għola immens b’mod partikolari minn wara l-gwerra fl-Ukrajna. Il-prezzijiet żdiedu b’aktar minn 65 fil-mija. Xogħlijiet ta’ aluminju f’binji li kienu għadhom ġebel u saqaf għolew sew. F’xi każi konna anki għamilna stimi, iżda x-xogħol ittardja u kellna ninfurmaw lill-klijenti li l-istima se tinbidel. Tista’ taħseb kif dawn laqgħuna? Spiċċajt nipprova nurihom il-prezzijiet kif qegħdin jogħlew. Nista’ ngħidlek li biċċa xogħol li kellha madwar €3000 f’xogħol ta’ alumninu il-prezz tela’ għal kważi €5,000. Tieqa   ta’ metru b’metru kienet tiġi €150. Illum din qed tiġi tiswa €260.

Tista’ tgħid li fuq ammont ta’ xhur ħafna prezzijiet kellhom jiġu riveduti

Negozjant li tkellem magħna qalilna li “l-prezzijiet qegħdin jogħlew minħabba żewġ fatturi, li huma iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tat-trasport biex jinġab ix-xogħol li żdiedu bil-kbir u minħabba żieda fil-prezz tal-fjuwil li dan żieda il-kontijiet tal-elettriku għal manifattura. Mhux gost tagħna żgur li naraw in-nies jilmentaw minn żieda fil-prezzijiet.  F’dan il-pajjiż qegħdin nagħmlu minn kollox biex inżommu l-prezzijiet kompetittivi. Nafu li llum jistgħu jmorrulek ftit mili bogħod minnha u jġibu prodotti minn hemm kif fil-fatt hawn min qiegħed jagħmel. Bħala pajjiż il-prezzijiet tat-trasport affettwatna ħafna meta nġibu ix-xogħol u dawn jirriflettu fuq il-prezzijiet.”

Sport