Wednesday, December 31, 2025

John Newman fost l-artisti  għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien maċ-Ċerpersin tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef ilbieraħ żaru l-aħħar preparamenti għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jirritornaw fil-Belt Valletta llum fit-8.45 p.m., u jwiegħdu lejla spettakolari ta’ mużika, divertiment, u logħob tan-nar. 

Il-Ministru Owen Bonnici qal: “Avvenimenti bħal dawn huma importanti għax jagħtu opportunità lill-poplu Malti u Għawdxi li jilqa’ s-sena bħala poplu wieħed magħqud. Il-preparamenti juru l-impenn kbir biex Lejlet l-Ewwel tas-Sena tkun lejla memorabbli, mimlija mużika, divertiment u spettaklu għal kulħadd. Prosit lil dawk kollha involuti, u awguri biex il-Belt Valletta tkompli tingħata l-ħajja, bis-sehem ta’ diversi talenti lokali u internazzjonali.”

“L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta kisbet sena oħra ta’ suċċess u se tagħlaq il-programm varjat tagħha biċ-ċelebrazzjonijiet tant mistennija ta’ Lejlet l-Ewwel tas-sena fil-Belt Valletta. Ix-xogħol li qed twettaq l-Aġenzija jagħti prova ċara li l-poplu għandu fiduċja fix-xogħol siewi li qed isir mill-Aġenzija, li dejjem qed tkompli ttejjeb il-prodott kulturali tagħha”.

Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkunu ppreżentati minn Ron, Jamie Cardona u Taryn Mamo Cefai u jibdew bil-kantant Malti tant maħbub Glen Vella u l-band tiegħu, u jkun segwit minn The Palace String Orchestra. Is-serata tinkludi prestazzjonijiet ta’ uħud mill-aqwa artisti Maltin fosthom Aidan Drakard, Denise, Gaia, Karin Duff, Keith Zammit Mintoff, Klinsmann, u Miriana Conte.

Hekk kif joqrob il-countdown, id-DJs Denzel Jo Armani u Wayne se jkomplu jqajmu l-atmosfera bl-aqwa siltiet dance tal-2025, imsaħħa b’effetti tal-palk impressjonanti u logħob tan-nar imxandar dirett fuq l-istazzjonijiet tat-TV lokali. L-ispettaklu tal-logħob tan-nar fil-Port il-Kbir se jkun l-akbar wieħed s’issa grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-quċċata tagħhom mat-tokki ta’ nofsillejl, b’kunċert speċjali live mill-istilla internazzjonali John Newman. Magħruf għas-suċċess globali tiegħu “Love Me Again” u kollaborazzjonijiet ma’ produtturi taż-żfin bħal Calvin Harris (“Blame”).

Il-lejla se tintemm b’sett mill-aqwa minn-DJ Gabii, li jiżgura li ċ-ċelebrazzjonijiet jintemmu b’mod spettakolari. Iċ-ċelebrazzjonijiet jispiċċaw sas-2.00 a.m. Is-servizz tal-Valletta Ferry Services se jkun estiż sas-1.00 a.m., filwaqt li s-servizz ta’ tal-karozzi tal-linja se jkun estiż fuq 16-il rotta u 5 rotot tas-servizz tal-lejl, b’dawn ir-rotot jibqgħu joperaw sa aktar tard mis-1.00 a.m., grazzi għall-Malta Public Transport. Is-servizz hu bla ħlas għal kull min għandu Tallinja card, u €3 għal vjaġġ migħajr card. 

Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta huma organizzati minn G7 Events u appoġġjati mill-Ftehim ta’ Sħubija għal Avvenimenti u Inizjattivi fuq Skala Kbira pprovdut mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. 

Dan l-avveniment huwa appoġġjat ukoll mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport