Saturday, December 21, 2024

John Woods se jgħaddi ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Charlene Farrugia

Aqra wkoll

Ir-raġel akkużat bil-qtil ta’ mara li l-fdalijiet tagħha nstabu 12-il sena wara fis-sur tal-Belt se jkun qed jgħaddi ġuri għar-reat. Dan wara li l-Qorti llum ordnat li jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

John Paul Woods jinsab mixli bil-qtil ta’ Charlene Farrugia, li meta seħħ id-delitt f’Novembru tal-2008 kellha 25 sena. Il-każ baqa’ ma ssolviex sakemm is-sena li għaddiet Woods allegatament ammetta għall-omiċidju waqt li kien qed jiġi mistoqsi mill-Pulizija b’rabta ma’ hold-up.

Fuq informazzjoni pprovduta lilhom minn Woods, uffiċjali tal-Pulizija fittxew partijiet minn sur tal-Belt fejn sabu l-fdalijiet, li aktar tard kienu identifikatu bħala li kienu ta’ Farugia.

Akar kmieni din il-ġimgħa l-Qorti semgħet kif Woods kien qal lill-Pulizija kien kien ta daqqiet ta’ sikkina lil Farrugia u kien fagaha fl-appartament tagħha f’San Pawl il-Baħar.

Allegatament huwa aktar tard qatta lill-vittma biċċiet u ħallat il-fdalijiet tagħha ma’ siment fi xkejjer, rema’ l-ixkejjer fi skip, u ħeba r-ras u saqajn il-mara f’post imwarrab taħt is-sur tal-Belt.

Il-karozza ta’ Farrugia nqabdet dieħla l-Belt minn kameras tas-sigurtà, madankollu qatt ma dehret ħierġa. Il-Pulizija huma tal-fehma li l-karozza setgħet intużat biex jinġarr il-katavru tal-vittma.

L-akkużat sussegwentement ta verżjonijiet differenti lill-Pulizija, u qal li xkejjer oħrajn kienu tħallew wara l-bieb tiegħu u li kienu ttieħdu minn Jesmond Cassar, li Woods qed jallega li wkoll kien wara l-qtil tal-mara.

Apparti l-qtil tal-mara, Woods jinsab akkużat li żamm lill-mara kontra r-rieda tagħha, li qered evidenza, li ħeba l-katavru tagħha, li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-Pulizija, li rċieva għandu affarijiet misruqin u li reġa’ sar reċidiv.

Woods attwalment qed iservi sentenza ta’ seba snin priġunerija fuq attentat ta’ serqa u ksur ta’ probation.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Ransley, filwaqt li l-Avukat Mario Mifsud deher għall-familja tal-vittma.

Ekonomija

Sport