Tuesday, May 21, 2024

Joħroġ il-permess għall-Iżvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa

Aktar investiment fl-edukazzjoni

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-edukazzjoni permezz ta’ estensjonijiet u rranġar ta’ skejjel pubbliċi. Tagħrif dwar dan ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fejn informa li l-permess għall-Iżvilupp għall-estensjoni tal-Iskola Primarja tal-Mellieħa nħareġ mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fl-24 ta’ Ġunju li għadda.

Il-Ministru qal ukol li l-investiment infrastrutturali fl-edukazzjoni li minnu se jgawdu l-istudenti u l-edukaturi ilaħħaq is-€17.7 miljun. Il-Ministru sostna wkoll li l-Iskola Primarja tal-Mellieħa ilha mibnija 74 sena u għalhekk maż-żmien ma baqgħetx taqdi l-bżonnijiet tal-lokal li dejjem qed jikber. Dan il-proġett huwa intenzjonat kemm biex titkabbar l-iskola f’din il-lokalità kif ukoll biex l-iskola tiġi modernizzata bi spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u l-għalliema. Fil-fatt dan l-iżvilupp se jakkomoda numru akbar ta’ studenti mill-iskola eżistenti u jara wkoll li l-binja tissodisfa r-rekwiżiti għall-iskejjel f’dak li huwa sigurtà u spazji miftuħa. 

Il-proġett jirrifletti wkoll il-politika tal-gvern li tmexxi ’l quddiem id-diversità, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs permezz tal-istrateġija edukattiva li biha l-awtoritajiet edukattivi qed jieħdu inizjattivi biex jindirizzaw il-ħtiġijiet, l-interessi u l-abbiltajiet differenti tat-tfal. 

Malli jitlesta dan il-proġett, din l-iskola se tkun waħda li se jkollha ambjent modern u xieraq għall-edukazzjoni ta’ wliedna, għall-għalliema kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-ħaddiema kollha li jagħtu s-servizz tagħhom fiha. 

Sport