FʼNovembru tal-2024, il-kuntratti taʼ bejgħ u l-konvenji taʼ proprjetajiet residenzjali ammontaw għal 997 u 1,165 rispettivament. Meta mqabblin maʼ dawk irreġistrati fl-istess xahar taʼ sena qabel, dawn iċ-ċifri juru tnaqqis taʼ 1.9 fil-mija fil-kuntratti taʼ bejgħ u tnaqqis taʼ 5.2 fil-mija fil-konvenji.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li f’Novembru li għadda, 91.0 fil-mija tal-kuntratti kienu jikkonsistu minn xerrejja individwali, filwaqt li kważi l-bqija tal-kuntratti l-oħra kienu magħmula minn kumpaniji.
Il-valur tal-kuntratti li jinvolvu xerrejja individwali kien jammonta għal €219.4 miljun, li huwa ekwivalenti għal 72.3 fil-mija tal-valur totali.
L-akbar għadd taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, bʼtotal taʼ 287 u 181 kuntratt rispettivament. L-inqas numri taʼ kuntratti kienu nnotati fid-Distrett tal-Punent u fid-Distrett taʼ Għawdex u Kemmuna bʼ104 u b’117 kuntratt rispettivament.
L-akbar ammont taʼ kuntratti taʼ bejgħ kien irreġistrat fʼdawn il-lokalitajiet: San Pawl Il-Baħar (74), Birkirkara (64) u Marsaskala (55).