Tuesday, October 28, 2025

Jonqsu l-persuni jirreġistraw għax-xogħol f’Settembru

Aqra wkoll

F’Settembru li għadda, in-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien ta’ 1,086, tnaqqis taʼ 23 persuna meta mqabbel mal-istess xahar fl-2024.

Tagħrif taʼ Jobsplus juri li, sena għal sena, fʼSettembru 2025 kien hemm tnaqqis taʼ 21 persuna fl-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad u tnaqqis taʼ żewġ persuni oħra jirreġistraw fit-Tieni Parti tal-istess reġistru. L-irġiel kienu jgħoddu mas-66.9 fil-mija (727 persuna), filwaqt li n-nisa kienu jgħoddu 33.1 fil-mija (359 persuna) taʼ dawk li kienu qegħdin jirreġistraw. Dawk fl-età taʼ 45 sena jew aktar irreġistraw l-akbar tnaqqis fl-għadd tal-qiegħda, filwaqt li dawk fl-età taʼ bejn il-25 u d-29 kellhom l-akbar żieda.

Sena għal sena, kien irreġistrat tnaqqis fi tnejn mill-meded taż-żmien tar-reġistrar, bl-akbar tnaqqis jidher fl-għadd taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal bejn 21 u 52 ġimgħa, li naqsu bʼ35 persuna. Min-naħa l-oħra, dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal anqas minn 21 ġimgħa żdiedu bʼ34.

FʼSettembru 2025, in-numru taʼ persuni bʼdiżabbiltà li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol naqas bʼ40 meta mqabbel mas-sena taʼ qabel, u kien taʼ 194 persuna. L-irġiel kienu jgħoddu mal-74.7 fil-mija tagħhom.

L-irġiel u n-nisa fir-reġistru tal-qgħad kienu qed ifittxu l-aktar impjiegi taʼ appoġġ klerikali, bʼ27.6 fil-mija u bʼ37.9 fil-mija, rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport