Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop riesaq lejn tmiemu wara li lbieraħ l-Imħallef Edwina Grima bdiet tindirizza lill-ġurati qabel tibagħthom jiddeliberaw il-verdett.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala “Ta’ Maksar”, George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż” u Jamie Vella.
Filwaqt li l-aħwa Agius, Vella u Degiorgio jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop, Robert u Jamie jinsabu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fl-indirizz tagħha, l-Imħallef Grima qalet li ma kinitx faċli għall-ġurati jagħmlu dan iż-żmien kollu. Hija rrikonoxxiet li t-triq kienet waħda “iebsa” imma issa l-ġuri wasal fi tmiemu.
Hija tenniet li tinsab ċerta li din l-esperjenza se tkun waħda unika u rrimarkat li fost il-ġurati rrealizzaw kemm mhijiex xi ħaġa faċli li toqgħod tisma’ u tiġġudika. Saħqet ukoll fuq l-importanza li l-ġurati jaslu għal deċiżjoni b’mod imparzjali u biex ma jaħsbux b’qalbhom u bl-emozzjonijiet.
L-Imħallef Grima talbithom ukoll biex jaslu għal deċiżjoni b’mod indipendenti mingħajr ma jħallu lil ħadd u xejn jinfluwenzalhom id-deċiżjoni tagħhom. Qaltilhom illi f’dan il-każ huma Mħallfin sovrani tal-fatti.