Monday, December 23, 2024

Jordan Azzopardi ħati li sawwat raġel u ħallieh għarwien fit-triq

… jeħel seba' xhur ħabs

Aqra wkoll

Jordan Azzopardi ta’ 32 sena, deskritt bħala l-“El Chapo” ta’ Malta, ntbagħat seba’ xhur ħabs wara li nstab ħati li darab raġel b’mod gravi u hedded persuna oħra.

Azzopardi kien tressaq il-Qorti mixli li f’Ġunju tal-2015, flimkien ma’ persuna oħra, heddew mara u raġel u lil dan tal-aħħar weġġgħuh gravi.

Huwa għall-ewwel wieġeb mhux ħati, iżda wara li l-Prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha, għażel li jammetti għall-akkużi miġjuba kontrieh. 

Qabel ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia qieset li l-imputat qatt ma wera rimors ta’ għemilu jew apoloġija lill-vittmi u lanqas għamel tajjeb għall-ħsara li kkaġuna lil wieħed minnhom.

Il-Maġistrat Lia nnutat li għalkemm l-ammissjoni saret qabel l-għoti tas-sentenza finali, fattwalment ma jistax jingħad li din saret fi stadju bikri. Dan fid-dawl tal-fatt li saret ħames snin wara li l-imputat tressaq il-Qorti u wara 33 seduta. 

Il-Qorti rat li dan il-każ ma kienx sempliċiment ġlieda bejn ħbieb li eskalat iżda kien attakk premeditat u ppjanat fuq persuna li ġie mfittex u msawwat fit-triq għal għajn il-pubbliku tant li spiċċa għarwien fit-triq bil-mod aggressiv ta’ kif għattewlu ħwejġu. 

Hija żiedet li kien hemm ukoll attentat biex il-vittma jiġi mkaxkar ġewwa l-karozza li kien fiha l-imputat biex isawtuh iżda l-vittma rnexxielu jaħrab biex ma jiġix imkaxkar fil-karozza. Madankollu, il-vittma qala’ xeba’ u ġie msawwat u sofra għadam miksur f’ġismu u kellu jiġi rikoverat l-Isptar. 

“Dan it-tip ta’ agir u mġiba m’għandhomx post fis-soċjetà u l-Qorti tqis li piena ta’ sentenza sospiża ma tkunx piena adekwata fiċ-ċirkostanzi kollha tal-każ,” qalet il-Maġistrat Lia. 

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet lil Jordan Azzopardi ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontra tiegħu u kkundannatu seba’ xhur priġunerija. Fid-dawl li ma ġiex indikat b’mod ċar l-ammont ta’ ħsara li sofra l-vittma l-Qorti qalet li ma setgħetx tagħmel ordni ta’ kumpens lill-vittma ta’ kriminalità.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin kontra l-ħati u favur il-vittmi għal perjodu ta’ tliet snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Trevor Micallef. 

Ekonomija

Sport