Wednesday, April 24, 2024

Jordan Azzopardi jgħid li ma kienx jaf li kienu qed jiġru warajh il-pulizija

Aqra wkoll

Jordan Azzopardi, magħruf bħala ‘l-El Chapo ta’ Malta’, sostna mal-Pulizija li dakinhar li reġa’ ġie arrestat wara ġirja bil-karozzi fil-Madliena, huwa ma kienx induna li l-vetturi kienu tal-pulizija u kien qed jibża’ minn nies li heddewh fil-passat.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Alfredo Mangion hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra Azzopardi ta’ 32 sena li jinsab mixli bi 13-il akkuża fosthom b’pussess u traffikar tad-droga u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelisen mill-arrest.

L-Ispettur Mangion qal li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni li l-akkużat kien qiegħed jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu u qagħdet tistennieh qrib id-dar tiegħu fil-Madliena. Azzopardi ntlemaħ fin-Naxxar isuq BMW X3. 

“Ġejt infurmat li wara t-3.30 p.m., il-pulizija ppruvaw iwaqqfu l-vettura ta’ Azzopardi ħdejn Busietta Gardens fejn it-traffic lights, iżda għal xi raġuni rriversja u saq bejn il-karozzi u l-ħajt, bil-konsegwenza li kkaġuna ħsara,” qal l-Ispettur Mangion. 

Huwa kompla jgħid li minkejja dan, il-pulizija rnexxielha ssegwi l-vettura suspettata u sussegwentement rawh jitfa’ xi ħaġa ‘l barra mit-tieqa tal-istess vettura. Wara li l-pulizija rnexxielhom iwaqqfu l-vettura ta’ Azzopardi fil-Għargħur, l-uffiċjali sabu borża li kien fiha 130 gramma sustanza bajda suspettata kokaina, fil-post fejn Azzopardi allegatament kien deher jitfa’ xi ħaġa barra mill-karozza. L-Ispettur qal li madwar iż-żona kien hemm mifrux trab abjad.

Il-Pulizija għamlet tfittxija wkoll fir-residenza ta’ Azzopardi iżda ma nstabu l-ebda droga jew oġġetti oħra illegali. L-akkużat ta stqarrija awdjoviżiba lill-pulizija nhar it-23 ta’ Lulju fil-preżenza tal-avukati tiegħu.

“Fil-qosor, Azzopardi qal li ma kienx innota li l-vetturi kienu karozzi tal-pulizija u kien jibża’ min-nies li kienu heddewh fil-passat. Ma ammettiex li kellu d-droga,” qal l-Ispettur Mangion.

Żewġ vetturi oħra, Peugeot 308 u Toyota Vitz ġarrbu ħsarat mill-akkużat waqt il-‘car chase’. Waqt il-kontro-eżami tiegħu mill-avukat difensur Charles Mercieca, l-ispettur kien mistoqsi jekk Azzopardi kienx ikkopera mal-pulizija waqt l-interrogazzjoni tiegħu u jekk weġibx għall-mistoqsijiet li sarulu. “Iva. Iżda ma ksibtx it-tweġibiet li kont qed nistenna mingħandu,” wieġeb l-ispettur. 

Xehed ukoll kuntistabbli tal-pulizija li kellu sehem fl-aħħar arrest ta’ Azzopardi, li ta rendikont simili għal dak tal-ispettur. Huwa qal li kien osserva lill-akkużat jitfa’ borża ta’ kulur abjad mit-tieqa tiegħu fuq in-naħa tas-sewwieq.

“Waqt l-arrest ta’ Azzopardi, is-suspettat ġie infurmat li kien qed jiġi arrestat fuq sewqan perikoluż u suspett ta’ pussess ta’ droga,” qal il-kuntistabbli. Huwa kien akkumpanja lill-akkużat lura lejn il-Madliena fejn il-borża l-bajda dehret tintefa’ barra mill-karozza.

Ix-xhud esebixxa r-rapport tiegħu u mappa taż-żona rilevanti biex turi fejn kienu seħħew l-allegati reati li kien semma fir-rakkont tiegħu. Wara li l-akkużat ġie mġiegħel jieqaf, saret tfittxija fil-karozza u fuq is-suspettat iżda ma nstabet l-ebda droga oħra, ikkonferma x-xhud. 

Id-difiża talbet li t-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat tiġi diskussa fil-qorti fis-seduta li jmiss wara li jinstemgħu l-aħħar xhieda. 

Il-każ ġie differit għas-17 ta’ Awwissu. L-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Merceica qed jidhru għal Jordan Azzopardi. 

Sport