Sunday, October 27, 2024

Jordan Azzopardi jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih

Għall-imputat qegħdin jidhru erba' avukati

Aqra wkoll

Jordan Azzopard ta’ 32 sena, magħruf bħala El Chapo tressaq il-Qorti kmieni dalgħodu mixli bi traffikar u pussess tad-droga kokaina.

Dan wara li lbieraħ, ħidma mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta b’rabta ma’ traffikar u pussess tad-droga kokaina.

L-Ispettur Alfredo Mangion qal kif daħlitilhom informazzjoni li Azzopardi kien involut f’attività marbuta mat-traffikar tad-droga. Il-pulizija marru fuq il-post u lemħu l-karozza tiegħu qrib Busietta Gardens, fis-Swieqi. Huwa pprova jaħrab minn fuq il-post u deher jitfa’ xi ħaġa barra mill-karozza. 

Kompla jispjega kif Azzopardi induna bil-preżenza tal-Pulizija, huwa beda jsuq b’manjiera perikoluża u b’veloċità qawwija sabiex jaħrab, tant li laqat xi karozzi. 

Fi ftit ħin, il-Pulizija iċċirkondawh, arrestawh u wara tfittxija li saret huwa nstab fil-pussess ta’ sustanza suspetta kokaina.

Fil-Qorti Jordan Azzopardi qal li hu impjegat u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja fuq sentenza tal-qorti li ngħata s-sena li għaddiet. Id-Difiża, immexxija mill-avukati Franco Debono, Marion Pace, Roberto Montalto, u Charles Mercieca, qalet li f’dan l-istadju tirriżerva li titlob għall-ħelsien mill-arrest f’mument opportun u talbet li jittellgħu x-xhieda mill-iktar fis.

Kien għalhekk li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat biex l-imputat jibqa’ miżmum kif ukoll ordnat għall-iffriżar tal-flus u l-proprjetà tiegħu.

Is-sena l-oħra, Azzopardi kien ingħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom garanzija personali ta’ €150,000 b’rabta ma’ każ ieħor relatat ma’ droga.

Sport