Illum, għall-ħabta tal-11:00 a.m., il-Pulizija ser tressaq raġel il-Qorti, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Donatella Frendo Dimech.
Ħidma mill-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ Jordan Azzopardi magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta b’rabta ma’ traffikar u pussess tad-droga kokaina.


Ritratt: Talk.mt

Kienu għall-ħabta tat-3:15 p.m, x’ħin il-Pulizija kienu qed isegwu vettura tal-għamla BMW fil-Madliena peress li l-Pulizija kellha informazzjoni li s-sewwieq tagħha x’aktarx kien fil-pussess tad-droga.
Kif Azzopardi nduna bil-preżenza tal-Pulizija, huwa beda jsuq b’manjiera perikoluża u b’veloċita qawwija sabiex jaħrab, tant li laqat xi karozzi.
Fi ftit ħin, il-Pulizija iċċirkondawh, arrestawh u wara tfittxija li saret huwa nstab fil-pussess ta’ sustanza suspetta kokaina. Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija tal-Forensika li għenu fl-investigazzjonijiet fejn kien allegat ukoll li Azzopardi seta’ rema xi pakkett b’sustanza waqt li kien qiegħed jiġi segwit.