Minn Cristian Muscat
Jorge Braz huwa wieħed mill-ismijiet l-aktar rispettati fid-dinja tal-futsal Ewropea u dinjija. Twieled fil-belt kapitali Portugiża fit-21 ta’ Ottubru 1972, Braz iltaqa’ mal-futsal minn età żgħira u minn dakinhar qatt ma ħalla l-logħba. “L-imħabba tiegħi għall-futsal bdiet sa minn meta kont għadni qed nattendi l-università ta’ Lisbona,” jispjega Braz.
“Bdejt nilgħab futsal waqt li kont plejer tal-futbol ukoll. Waqt li kont qed nistudja u nikseb il-grad tiegħi, il-futsal kien opportunità biex nikber bħala plejer u nifhem il-logħba f’livell aktar profond.”
Braz ma kienx biss plejer lokali; huwa kellu l-opportunità jilgħab ukoll ma’ tim nazzjonali Portugiż, esperjenza li ħalliet impatt qawwi fuq il-filosofija tiegħu bħala kowċ. “Meta kont plejer, il-fokus kien fuq kif tilgħab tajjeb. Bħala kowċ, ir-responsabbiltà hija differenti għax għandek tim sħiħ taħt idejk, trid tmexxi, tikkordina u tiżgura li kulħadd jagħmel l-almu tiegħu,” spjega.
Jorge Braz ifakkar illi d-differenza bejn plejer u kowċ mhix biss fiżika jew teknika, iżda psikoloġika u organizzattiva. “Bħala kowċ għandek responsabbiltajiet differenti mhux biss dwar kif tilgħab it-tim, imma wkoll dwar kif tmexxi individwi, kif timmotiva l-plejers u kif tiżgura li kulħadd jagħmel dak li hu meħtieġ biex it-tim jirnexxi. Ir-responsabbiltà hija ħafna ikbar, iżda wkoll ħafna iktar sodisfaċenti,” jgħid Braz.
Meta mistoqsi dwar l-akbar mumenti ta’ sodisfazzjon, Braz jgħid li kull pass fil-karriera tiegħu għandu valur: “Kull mument li qed taħdem fuq il-logħba huwa importanti.
Għandna ħafna memorji meraviljużi mal-Portugall, iżda mhux biss it-trofej għax kull ħin li naħdmu kuljum mal-plejers u narawhom jikbru huwa sodisfaċenti.” Il-qofol ta’ suċċess tiegħu wasal fil-UEFA Futsal Euro 2018, meta l-Portugall kisbu l-ewwel tazza Ewropea fil-futsal. Dan kien segwit minn trijonf ieħor fir-FIFA Futsal World Cup 2021, l-ewwel tazza tad-dinja għall-Portugal. “Dak ir-riżultat juri li bil-ħidma, determinazzjoni u fiduċja fil-plejers, kollox huwa possibbli,” jgħid Braz.
F’dan il-punt, Braz jispjega kif il-Portugal kisbu din il-qawwa: “Ir-riċetta tas-suċċess hija fokus fuq żvilupp ta’ talent, kemm fis-subien kif ukoll fil-bniet. Kulħadd għandu responsabbiltà, il-Football Association, il-kowċis, il-ġenituri biex jipprovdu opportunitajiet u kif il-plejers jitħarrġu biex ikunu l-aqwa verżjoni tagħhom.” L-attitudni lejn it-timijiet nazzjonali Portugiżi hija ċara: fid-dħul għal kull kompetizzjoni, Braz jemmen fil-plejers tiegħu u fil-preparazzjoni dettaljata tal-logħba.
Il-kowċ Portugiż żvela wkoll l-ewwel impressioni tiegħu minn Malta proprju meta kienet għaddejja l-logħba bejn Luxol u Benfica mill-UEFA Futsal Champions League.
“Hija l-ewwel darba tiegħi f’Malta, u segwejt il-Futsal nazzjonali hawn u wkoll lil Luxol. Ir-riżultati u l-passjoni għall-futsal qed jidhru ċari, u hija esperjenza interessanti li narah minn qrib,” qal. Għal Braz, l-esperjenza ta’ osservazzjoni u interazzjoni ma’ futsal differenti tgħinu biex jistudja modi ġodda kif tista’ tippromwovi u tgħin il-logħba.
Braz mhux biss qed jiffoka fuq il-preżent, iżda wkoll fuq il-futur. “Għandna kompetizzjonijiet importanti li ġejjin bħall-Kampjonat Ewropew bejn Jannar u Frar, u wkoll il-Kampjonati Dinjija Femminili. Il-mira tagħna hija dejjem li nkunu kompetittivi u nkomplu nkabbru l-logħba, kemm fil-livell maskili kif ukoll femminili,” spjega.
Fil-qalba tat-tattika tiegħu hemm il-fiduċja fit-tim. “Biex tirbaħ kwalunkwe turnew, trid tħares lejn il-plejers tiegħek b’fiduċja sħiħa u tagħti kull wieħed minnhom l-opportunità li jurih innifsu,” jgħid Braz.
Braz jemmen li l-futsal mhux biss ir-rebħ tal-logħba, iżda dwar il-valuri li jifforma fihom il-plejers. Huwa jgħallem lill-atleti tiegħu dwar ir-rispett, komunikazzjoni, u kif ma jħallux il-pressjoni taħkimhom, kemm fuq il-pitch kif ukoll fil-ħajja.
Skont Braz, dawn il-lezzjonijiet jgħinu lit-tfal jikbru b’mod komplet, jagħmlu għażliet tajba u jirrealizzaw il-potenzjal tagħhom. Huwa dejjem jħeġġeġ li kull plejer jieħu responsabbiltà għall-progress tiegħu u jaħdem ma’ tim, u jara kull sfida bħala opportunità biex jitgħallem. Din il-filosofija tagħmel lill-futsal aktar minn sport anzi hija skola tal-ħajja.
Fil-konklużjoni tal-intervista, Braz jikkonkludi b’messaġġ ta’ ispirazzjoni għall-plejers żgħażagħ u ġenituri: “Il-futsal m’għandux jitqies bħala passaġġ għall-futbol. It-tfal għandhom jilagħbu sports differenti biex jikbru b’mod komplet. Il-futsal u l-futbol huma bħall-familja, imma kull wieħed għandu l-karatteristiċi tiegħu u jgħin lit-tfal jikbru bħala atleti. Il-viżjoni hija dejjem żvilupp u opportunità.”
Jorge Braz huwa eżempju ta’ dedikazzjoni, intelliġenza u viżjoni fil-futsal. Minn plejer żagħżugħ f’Lisbona sal-kowċ li mexxa Portugal għal titli Ewropej u Dinjija, Braz wera li suċċess f’din il-logħba mhuwiex biss dwar talent, iżda dwar ħidma kontinwa, dixxiplina, u fost kollox fiduċja fil-plejers tiegħek.
Il-karriera tiegħu tispira kemm il-ġenerazzjoni preżenti kif ukoll dik futura, u il-futsal Portugiż għadu qed jirċievi l-benefiċċji ta’ din il-ħidma dedikata.

