Paris Saint-Germain fetħu taħditiet mal-coach ta’ Roma, Jose Mourinho, hekk kif iriduh biex imexxi lit-team minflok Christophe Galtier.
Rapporti minn Franza qed isostnu li matul dawn l-aħħar jiem saret laqgħa bejn il-konsulent ta’ PSG, Luis Campos, u l-coach ta’ Roma, li jidher li qed ikun xi ftit frustrat bl-affarijiet li għaddejjin fil-club tal-belt kapitali Taljana.
Min-naħa tiegħu, Mourinho huwa nteressat li jmur jaħdem mal-Pariġini anke jekk ġie rrappurtat li Zinedine Zidane huwa l-favorit li jkun is-suċċessur ta’ Galtier.
Mourinho huwa magħruf li huwa partitarju kbir tal-istilla ta’ PSG, Kylian Mbappe, u jsib ukoll kollaboratur mill-qrib tiegħu fil-kapitali Franċiża, bl-ex assistent coach tiegħu ta’ Tottenham, Joao Sacramento, parti mill-istaff ta’ Galtier f’Pariġi.
It-taħdidiet għadhom fl-istadji bikrija u għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn PSG u Roma, għalkemm ir-relazzjoni pożittiva tagħhom x’aktarx tagħmel in-negozjati jimxu bla xkiel.
Il-coach Portugiż huwa kkuntrattat mal-Giallorossi sa Ġunju 2024.