Wednesday, December 10, 2025

JOSEPH CALLEIA: “M’HAWNX POST BĦAL MALTA”  (1) 

L-ATTUR MALTI LI ĦA ISEM PAJJIŻNA F’HOLLYWOOD

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Imfakkar f’esebizzjoni mill-isbaħ f’għeluq il-50 sena mill-mewt tiegħu

“Jekk tkun sejjer tara film u tara wiċċ wieħed minn dawn l-atturi, għandek garanzija li ma jiddispjaċikx”. Hekk kien ġie rrapportat fil-midja barranija snin ilu flimkien ma’ sett ritratti tal-aqwa atturi f’Hollywood. Fost dawn l-atturi kbar kien hemm ir-ritratt ta’ Joseph Calleia, iż-żagħżugħ Malti li fl-età ta’ 19-il sena mar Hollywood biex huwa wkoll jikseb il-ħolma Amerikana. Calleia, li trabba’ fis-Saqqajja tar-Rabat Malta, kiseb suċċess kbir li sfortunatament kien aktar iċċelebrat barra minn pajjiżna milli lokalment. L-istorja ta’ dan l-attur, kantant u kompożitur li ta isem u unur lil pajjiżna, hija l-istorja tagħna lkoll, parti mill-kultura u tal-memorja kollettiva. Però, huma ftit il-Maltin li jafu dwaru. 

Proprju għal dan il-għan qiegħda tittella’ wirja dwaru f’Ħ’Attard, liema wirja se tibqa’ għaddejja sal-15 ta’ Diċembru u hija miftuħa għall-pubbliku. Nittamaw li din il-wirja flimkien mal-artikli tagħna jkunu l-bidu ta’ għarfien akbar dwar kemm it-talent lokali huwa talent ta’ min ma nissottovalutawhx. Calleia huwa xhieda ta’ kemm il-Malti huwa kapaċi u kif b’perseverenza iżda fl-istess ħin umiltà, jista’ huwa wkoll jirnexxi bil-kbir. 

Calleia u l-kultura Maltija

Meta nirriflettu fuq l-istorja kulturali ta’ Malta, ħafna drabi niftakru l-kbar tal-politika, tal-lingwa jew tal-arti lokali. Imma, barra dawn hemm oħrajn u proprju wieħed mill-aktar figuri Maltin li qasmu l-fruntieri kulturali u saħansitra ħadu isem pajjiżna, din il-gżira żgħira f’nofs il-Mediterran, fil-qalba ta’ Hollywood klassiku kien Joseph Calleia. Imwieled fl-1897 u miet fl-1975, Calleia mhux biss kien attur b’talent uniku, iżda wkoll simbolu ta’ x’jista’ jagħmel il-Malti meta jħaddan id-dixxiplina, il-ħolm u l-identità tiegħu u jpoġġihom fuq skala dinjija.

Illum, ħafna Maltin lanqas biss jafu bih. Dan minkeja li kien Calleia kien raġel li mil-lat kulturali, artistiku u anke umanitarju, ħalla marka li għandha tiġi mfakkra u mgħożża. Lil Calleia ta’ min japprezzah u nfakkruh fil-memorja kollettiva tagħna bħala ġens. Ġens b’wirt kulturali rikk li fost il-ġojjelli s’issa “moħbija” hemm proprju dan il-persunaġġ Malti li ħa isem Malta fost il-ġganti ta’ Hollywood.

Kien jilbes is-salib Malti, ikanta bil-Malti u jisħaq li hu Malti!

Dwar dan l-attur ċelebri tkellimna ma’ wieħed mill-akbar ammiraturi tiegħu u kollezzjonist lokali, Joseph Borda, li huwa wkoll involut fl-esebizzjoni. Bħala ġurnal morna niltaqgħu ma’ Borda fil-post fejn beda biex qalilna li, “Joseph Calleia kien kburi ħafna li kien Malti u għamel ħafna għal isem Malta. Dejjem kien jilbes is-salib ta’ Malta u fil-films kien anke jkanta bil-Malti. Kien hemm drabi li kienu jaħsbuh li kien Taljan imma kien jgħidilhom ‘le, jien Malti minn Malta’. Jiġifieri kien kburi ħafna. Baqa’ jitkellem bil-Malti u jħobb lil Malta sal-aħħar”. 

Borda dawwarna mal-affarijiet personali ta’ Calleia esebiti kif ukoll kostumi li uża fil-films u posters relatati. Elenka rwoli li kellu Calleia f’aktar minn 60 films u serje li ħa ħadem fihom.

Mis-Saqqajja għal Hollywood

Joseph Calleia twieled fir-Rabat Malta, f’ambjent li fih il-passat u l-identità Maltija kienu dejjem ħajjin. Minn età żgħira huwa wera talent artistiku kemm fl-isfera mużikali kif ukoll espressjonist li wassluh biex isir attur kbir f’Hollywood. Meta kellu 17-il sena kien mar fir-Renju Unit biex isir inġinier iżda, kif spjegalna Borda, “Calleia qatt ma ried isir inġinier. Kien jilbes ta’ Skoċċiż biex jimita kummidjant diġà famuż. Għamel qisu tliet snin fil-qawwa navali. Fuq bastiment li kien fuqu kienu ntlaqtu b’torpido u spiċċa għamel madwar tliet xhur l-Irlanda. Minn hemmhekk, fl-1919, kien mar l-Amerika u beda fuq il-palk ta’ Broadway”.

Dan l-attur Malti ried ifittex opportunitajiet bħala artist fl-Istati Uniti. Hawn naraw kif din mhix storja ta’ tfajjel li “ħarab” mill-pajjiż, iżda ta’ artist li ried jikber f’post fejn l-aspettattivi kienu kbar daqs l-ambizzjoni tiegħu. L-ewwel rwol li kellu fl-istess sena li mar fl-Istati Uniti kien fi Broadway ikanta.

Il-kapaċità tiegħu li jikkomunika permezz tal-arti li tinkludi wkoll daqq tal-pjanu, kitba tal-mużika u ta’ film waslitlu għal rikonoxximent kemm bħala attur kif ukoll attribuwijiet oħra li spikkaw fih bħala persuna. “Bħala persuna kien mistħi u umli ħafna. Kien jevita li jitħallat u jitkellem. Jekk kont tgħidlu bonġu kien jgħidlek bonġu u jibqa’ miexi. Tinsiex kemm dam l-Amerika. Ġie lura Malta fl-1966 meta rtira. Baqa’ bl-aċċenn Malti u kien kburi ħafna li kien Malti,” kompla Borda.

Il-qabża l-kbira

Lura fis-snin 30 u 40 Hollywood kienet dinja oħra. Din l-industrija kienet fl-aqwa tagħha b’atturi kbar li saru ikoni u jekk attur aspirant ma kienx kapaċi jispikka aktar mill-oħrajn, kien jintilef fil-vojt u l-karriera tieqaf qabel ma tibda. Calleia kien irnexxielu jispikka b’mod straordinarju.

Dak iż-żmien kien komuni lill-atturi barranin jagħtuhom ċertu tip ta’ rwoli fosthom il-villan, il-kummerċjant u ż-“żagħżugħ misterjuż”. Imma Calleia qatt ma kien attur bħall-oħrajn. Kien jagħżel karattri li għalkemm mogħtija skont il-ħtiġijiet tal-industrija, kienu dejjem rwoli partikolari b’aċċenn fuq l-umanità.

Minn “Algiers” għal “Five Came Back”, minn “The Glass Key” sa “Gilda” u aktar tard f’”Touch of Evil” ta’ Orson Welles, Calleia ħoloq repertorju li llum il-ġurnata huwa kkonsidrat bħala arkivju ta’ karattri intensi u sensittivi fl-istess ħin. F’”Touch of Evil” b’mod partikolari, ir-rwol tiegħu bħala Pete Menzies jibqa’ wieħed mill-aktar eċċezzjonali fis-snin ta’ wara l-Gwerra. Huwa kien ħadem il-parti ta’ raġel li jħabbatha bejn id-dmir u l-lealtà, bejn il-ġustizzja u l-fidwa. F’dan l-akbar rwol  tiegħu Calleia daħal fil-profond ta’ karattru tant li tah ruħ u mhux maskra.

“Għamel aktar minn 60 film u ħadd ma jafu”

Huwa proprju għalhekk li għandna nġeddu l-memorja ta’ dan l-artist Malti. Irridu niftakru li Calleia huwa simbolu ta’ x’jista’ jagħmel il-Malti. Il-ġrajja tiegħu mhiex biss kronoloġija ta’ films, iżda prova li bħala Maltin, minkejja ċ-ċokon tagħna, nistgħu nilħqu l-ogħla livelli. Kif ippuntwalizza sewwa Borda, “meta nsemmu lil Oreste Chircop, kulħadd jafu u sewwa imma dan għamel film wieħed biss mentri Calleia għamel aktar minn 60 u ma jafu ħadd”.

Calleia, li beda minn isfel nett, huwa l-unika Malti li mar Hollywood u kellu daqshekk suċċess. Ħadem f’kull studjow famuż fosthom l-MGM u Paramount, mal-akbar atturi ta’ dak iż-żmien kif ukoll mal-isbaħ nisa. Ħadem diversi partijiet – tal-villan, ta’ tabib, ta’ avukat, ta’ Indjan, Messikan, ħabsi, għamel ħafna Westerns u fil-“Man of the People” kien l-attur prinċipali. 

Ismu kien dejjem jidher b’mod prominenti fil-posters uffiċjali tal-films. Borda semmilna wkoll kif Calleia b’telegramma kien offrut il-parti ewlenija fil-film kolossali “The God Father” flok Marlon Brandon, parti li dan l-attur Malti kien irrifjuta “wisq probabbli għax kien diġà rtira mix-xena tal-ispettaklu”.

Protezzjoni tal-patrimonju

Bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar dan il-persunaġġ Malti, l-istorja tiegħu u l-wirt li ħalla warajh ikun tajjeb li jkun introdott fil-kurrikulu tal-iskejjel kif ukoll fl-istituzzjonijiet kulturali tagħna. Jistgħu wkoll jsiru dokumentarji u intervisti ma’ esperti tal-Istorja tal-films, kif ukoll ikun organizzat jum ta’ tifkira jew festival ċinematografiku f’ismu. B’hekk inkunu qegħdin insaħħu l-protezzjoni tal-patrimonju marbut miegħu.

Joseph Borda fakkar kif, “meta Calleia rtira fl-1966 u ġie hawn Malta b’karriera bħal dik, ħadd ma kien jaf bih. Dan huwa dispjaċir kbir. Jista’ jkun għax l-ewwel film tiegħu ħareġ fl-1931, qabel il-Gwerra u dak iż-żmien biex jiġi film hawn Malta kien idum ħafna imma, xorta waħda nħoss li l-Maltin ma jafuhx. Kulma ħarġu fuqu kienu tliet bolol u l-monument tiegħu li kien għamlu ħabib tiegħi. Imma, l-pajjiż u l-poplu Malti qatt ma tawh rikonoxximent tal-karriera li kellu fil-films li fiha dejjem ħadem mal-aħjar atturi ta’ dak iż-żmien. Hemm bżonn li din il-ħaġa nibdluha”.

Nistgħu nagħmlu dan billi, bħala ħutu Maltin, immorru għall-din l-ewwel wirja tiegħu f’Ħ’Attard li qiegħda tittella’ wkoll grazzi għall-qraba u n-neputijiet tiegħu, nitgħallmu dwaru u nqajmu għarfien bil-mezzi kollha possibbli. 

Joseph Calleia mhuwiex biss isem fil-films li ħalla warajh imma huwa kapitlu sħiħ fil-ġrajja kulturali Maltija. Huwa t-tifkira li l-identità tagħna fis-sens ta’ kreattività u perseveranza li jmorru lil hinn mill-fruntieri. Illum għandna l-opportunità li nerġgħu nagħtuh il-ħajja mhux fil-memorja biss, iżda fil-kultura attiva tagħna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport