Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu?
Jien ma kontx naf insuq rota sal-etá ta’ 37sena. Dejjem kont nixtieq u nammira liċ-ċiklisti li ġieli kont nara fit-toroq. It-Tour ta’ France kont nitgħaxxaq nara dawk it-timijiet ikkuluriti u x-xenarju kollu ħdura.
Sa 30 sena ma kontx attiv. Meta missieri ħalliena, indunajt li l-ħajja qasira u kemm bħalu nħobb il-ħajja għall-apert. Kien jgħidli mur iġri jew aqbad rota. Peró, kont naqta’ qalbi għax kelli ħafna piż. Għamilt il-kuraġġ u bdejt l-arti marzjali b’piż qrib il-100kg. Peró, kelli bżonn ‘cross training’ u bdejt nipprova niġri bil-kelb waqt li nbiddel id-dieta. Minħabba li ma kellix saħħa u teknika, weġġajt irkoppti tant li ma kontx nista’ ninżel it-taraġ komdu. Fl-istess ħin kont qed nipprova nitgħallem insuq rota u tgħidx kemm ġieli daħħakt tfal fit-triq! Kien hawn li ġejt referut lil tabiba speċjalizzata fuq l-isport. Ikkuratli tendinitis u offrietli programm fejn għallmitni nimxi u niġri b’mod aħjar. Jien ħadt il-programm bis-serjetá biex insaħħaħ riġlejja tant li laqqgħatni ma’ kowċ tat-triathlon. Bdejt nattendi għal tiġrijiet qosra ta’ 5km run u meta għamilt l-ewwel 10km f’inqas minn siegħa, il-kowċ saqsietni jekk nitħajjarx nibda ‘road cycling’ u nidħol ma’ ‘Team Greens’.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa, f’dan l-isport li tant tħobb?
Kull avveniment hu esperjenza għalija! Għamilt żewġ tours ma’ Alive għall-ġbir ta’ fondi għar-riċerka fil-kanċer. L-ewwel kienet dawra madwar Sqallija 1000km f’sitt ijiem u wara 1500km f’sebat ijiem ġewwa Spanja. Kont sorpriż kemm kien hemm nies li emmnu fija u għenuni niġbor il-fondi. Ma nitlifx nattendi tellieqa lokali tant li s-sena l-oħra rbaħt il-kampjonat tal-50+ mhux għax aħjar imma għax dejjem hemm u ma naqtax qalbi.
Nieħu pjaċir nattendi gran fondi fi Sqallija. U fit-23 ta’ Mejju ħadt sehem fl-EFRU Cycling Tour Sicily 2025 li kien organizzat veru tajjeb.
Kif tqis il-livell taċ-ċikliżmu f’pajjiżna fil-preżent?
Għandna klabbs lokalli li qed itellgħu tfal u żgħażagħ tajjeb ħafna fiċ-ċikliżmu. Din s-sena kellna klabb li ħa t-tfal għal training camp fi Sqallija fejn hemm faċilitajiet u mħabba qawwija lejn l-isport.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Malta hi li hi bil-problemi tat-traffiku. Għax-xogħol nippreferi mmur bir-rota milli nuża l-mutur jew il-karozza. Bir-rota nista’ ninżel u nimxi minn fuq zebra cross jew minn taħt it-triq. Nixtieq nirringrazzja lil tax-xogħol fejn naħdem li jipprovdu ‘shower’ għal wara s-sessjoni ta’ taħriġ qabel ix-xoghol. Peró, nixtieq iktar rispett lejn min qiegħed fuq żewġ roti u anke viċi-versa. Meta nuża r-rota qed inħalli l-karozza fil-garage. Mhux dejjem possibli jew sigur nużaw ‘bicycle lane’ għal raġunijiet varji.
Rigward avvenimenti sportivi nixtieq nara iktar koperazzjoni mal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu (MCF) li tipprova ġġib permessi biex tagħlaq triq għal mhux iktar minn tliet sigħat peró kultant diffiċli ħafna. Ġieli nispiċċaw mal-karozzi b’ periklu kbir. Peró nirringrazzja lill-Kunsilli Lokali, lil-LESA u lill-Pulizija li jipprovaw jagħmlu ħilithom kollha li jippruvaw iżommuna siguri kemm jista’ jkun. Ġieli ngħir għall-Isqallin li jagħlqulek toroq sħaħ għall-imħabba tal-isport. Tellieqa ssir il-Ħadd kmieni filgħodu fis-7am biex indejqu mill-inqas lil ħaddieħor.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Bdejt tard peró ma naqtax qalbi. Dejjem nipprova nkun aħjar mill-bieraħ. Għal raġunijiet ta’ saħħa, ma nixtieqx nieqaf milli naqdef. Qiegħed nipprova nikkontrolla kolesterol, zokkor u piż permezz tal-isport. Inħobb nibda l-ġurnata bir-rota li tagħtini ċertu ‘boost’.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.
Taqtgħux qalbkom għax qatt mhu tard li tibda jew titgħallem. Ma tafx issuq rota, hawn min lest jgħallmek. Trid titgħallem ittellaq, hawn fejn titgħallem kemm tfal u kbar. Titgħallem timmanuvra li jagħmlek aħjar fuq mezzi oħra wkoll. Tiskopri toroq ġodda kemm hawn Malta u anke barra minn xtutna. Tħossok aħjar fiżikament u mentalment tant li ssir kapaċi tkopri distanzi bis-saħħa tiegħek stess. Tħossok iktar liberu u mhux b’impedimenti bħall-‘parking’, traffiku, eċċ. Peró, dejjem uża l-prudenza u r-rispett lejn ħaddieħor!