L-eks prim Ministru u eks mexxej Laburista Joseph Muscat tenna li huwa lest jilqa’ kull skrutinju li jista’ jsir għax jista’ jikkonferma biss li huwa dejjem aġixxa fl-interess nazzjonali.
Dr Muscat tenna din id-dikjarazzjoni b’reazzjoni għall-aġir tan-Nutar Robert Aquilina li qabad u waħħal karta mal-bieb ta’ l-uffiċċju ta’ Muscat bil-kliem ‘Joseph Muscat Korrott’.
L-eks Prim Ministru fakkar li Robert Aquilina huwa l-istess persuna li ħass li kellu joqgħod barra d-dar tiegħu waqt it-tfittxija suppost sigrieta li kienu għamlu l-Pulizija.
Dr Muscat qal li fid-dagħdiha tiegħu ta’ instigazzjoni u mibegħda kontinwa, Robert Aquilina reġa’ ta indikazzjoni li huwa jaf x’qed jiġri fl-inkjesta Maġisterjali u li dan jimmina l-fiduċja li jista’ jkun hemm li dan huwa proċess indipendenti.
Joseph Muscat temm jiddikjara li huwa ċar ukoll li fl-argumenti tiegħu, Robert Aquilina qed jinjora għalkollox is-sentenza tal-Qorti fir-rigward l-istess Muscat u wkoll ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.