Tuesday, November 26, 2024

Joseph Muscat jiċċara dwar kontradizzjonijiet ta’ Fenech li ssemmew aktar kmieni fil-Qorti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ikkjarifika xi punti li ssemmew illum waqt il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech fejn stqarr li hu qatt ma kien mgħarraf bil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia qabel ma seħħ u wisq inqas iddiskutih ma’ persuni oħra b’mod speċjali mal-allegat mandant fil-qtil.

Hu sostna li kien Yorgen Fenech stess li qal li tkun “ġennata” li kieku jgħid lil Muscat bil-pjan, f’recordings li nstemgħu waqt il-kumpilazzjoni fil-Qorti.

Muscat spjega li l-pulizija stess għandha fil-pussess tagħha konversazzjoni li tikkontradixxi l-istqarrija ta’ Fenech u qal li f’dik il-ġurnata li suppost tkellmu dwar il-każ, l-allegat mandant stess bagħtlu messaġġ fejn skuża ruħu li ma kellmux għaliex kellu n-nies madwaru.

L-eks Prim Ministru kompla jgħid li hemm informazzjoni fid-dominju pubbliku li turi li ma saret l-ebda laqgħa bejnu u Fenech kif kien allegat u għaldaqstant hija xi ħaġa impossibbli li hu ta informazzjoni dwar raids li kellhom isiru f’din l-imsemmija laqgħa.

Dwar dan Joseph Muscat żied jgħid li qatt ma seta’ jgħaddi informazzjoni dwar ħsieb li mhux biss kien għadu ma ġiex ikkomunikat lilu iżda lanqas kien beda jiġi kkunsidrat mill-Pulizija.

Fil-messaġġ tiegħu, id-deputat Laburista qal li waqt is-seduta tal-lum ġie kkonfermat li din l-istqarrija ngħatat wara li ġiet irrifjutata t-talba għall-maħfra ta’ Fenech u wara li ġie mhedded li kemm il-darba jonqos li jagħti l-proklama, ser jiġi mċappas. Kompla jgħid li dan hu qalu pubblikament mal-ewwel u anki xehed quddiem il-Maġistrat Inkwirenti fuq talba tiegħu stess.

Muscat temm jgħid li tul il-perjodu tiegħu bħala Prim Ministru hu għamel dmiru u din il-ħidma waslet biex ikun hemm żblokk f’dan il-każ maġġuri, kuntrarju għal delitti kbar li saru qabel.

Sport