Sunday, November 24, 2024

Joseph Muscat jiċħad li qed igawdi minn xi impunità anzi jgħid li spiċċa bil-Pulizija f’daru

Aqra wkoll

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’ittra li l-avukati tiegħu bagħtu lil tiegħu lill-Kumitat tal-Libertajiet Civili tal-Parlament Ewropew (LIBE), irribatta għal xi dikjarazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu. Muscat qal li kritika u analiżi politika, anki jekk ma jkunx jaqbel magħha, hija normali f’demokrazija u rari jirreaġixxi għaliha.  

Minkejja dan huwa kompla biex jgħid li meta jkun hemm min jipprova jinqeda b’persuni barranin u istituzzjoni billi jitmagħhom falsità biex imbaghad jinqeda bihom għal fini politiċi mhux biss huwa diżgustanti, iżda loghob inaċċettabbli bid-demokrazija.

Fil-konklużjonijiet tar-Rapport tagħha, id-delegazzjoni “esprimiet tħassib dwar l-impunità mogħtija lill-figuri ewlenin fl-amministrazzjoni ta’ Muscat, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-chief of staff tiegħu Keith Schembri, u l-eks Ministru tal-kabinett Konrad Mizzi, li għadhom mhux imħarrka fuq provi serji u sostanzjati ta’ korruzzjoni, inkluż permezz ta’ rapporti tal-NAO u tal-FIAU u provi ppubblikati minn Daphne Caruana Galizia.”

L-avukati ta’ Muscat oġġezzjonaw għall-affermazzjoni infondata li saret fir-rigward tal-klijent tagħhom peress li hija kompletament bla bażi.

Kien għalhekk li huma ġabu għall-attenzjoni tal-kumitat dawn il-fatti mhux ikkontestati :

  • M’hemm l-ebda rapport mill-NAO li jsemmi lil Dr Muscat jew jipponta lejh bil-mod kif semmejt;
  • Sa fejn nafu aħna ma hemm l-ebda rapport tal-FIAU li jsemmi lil Dr Muscat jew jippunta lejh bil-mod li semmejt int;
  • L-unika darba li Daphne Caruana Galizia akkużat lil Dr Muscat li ħa xi flus kien fil-kuntest tal-istorja Egrant. Inkjesta minn Maġistrat indipendenti sabet mhux biss li dawn kienu akkuzi mhux issostanzjati iżda li ġew iffabbrikati dokumenti u ffalsifikati firem minn terzi, f’attentat biex jinholoq frame up fil-konfront ta’ Dr Muscat u martu;
  • Iktar minn hekk, m’hemm l-ebda “evidenza sostanzjata ta’ korruzzjoni” imkien fid-dominju pubbliku jew xi mkien ieħor fir-rigward ta’ Dr Muscat.
  • Dr Muscat mhux biss m’hu qed igawdi l-ebda impunità, iżda kien suġġett għal tfittxija tal-pulizija kmieni filgħodu fil-propjetà privata tiegħu, li kienet tinkludi l-konfiska tal-mowbajls ta’ wliedu taħt l-età. Din it-tfittxija kienet diskussa ħafna fi ċrieki politiċi antagonisti għal Dr Muscat qabel ma seħħet, xi ħaġa li hija dokumentata, filwaqt li l-persuna li ressqet it-talba għall-investigazzjoni kienet pożizzjonata barra l-propjetà ta’ Dr Muscat, tosserva l-operazzjoni suppost sigrieta. Dan kollu jimmina s-saltna tad-dritt u kull kredibilità li hija meħtieġa biex investigazzjoni bħal din tittieħed bis-serjetà, u tindika sfumaturi politiċi konsiderevoli, speċjalment meta Dr Muscat stess kien talab li jixhed fl-imsemmija inkjesta, talba li izda ma gietx imwieġba.
  • Filwaqt li bħala eks Membru tal-Parlament Ewropew, Dr Muscat jifhem u jaċċetta l-irwol tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili li jagħmel valutazzjonijiet politiċi, li wieħed jista’ jaqbel magħhom jew le, ma jistax jaċċetta dikjarazzjonijiet mhux sostanzjati meħuda barra mill-kuntest politiku u mqiegħda bħala fatti fl-isfera ġudizzjarja.

Barra minn hekk l-avukat saħqu li d-dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili potenzjalment tippreġudika d-drittijiet fundamentali ta’ Dr Muscat u tista’ tintuża biex issir pressjoni mhux xierqa fuq l-istituzzjonijiet biex jikkonformaw mal-pożizzjoni tad-Delegazzjoni anki jekk ma teżistix sitwazzjoni bħal din.

Għalhekk, huma temmew iħeġġew lill-kumitat biex jirrettifika s-sitwazzjoni b’effett immedjat biex tirrifletti dak kkwotat minnhom f’din l-ittra bil-għan li jkunu mhux biss politikament, iżda wkoll legalment fattwalment korrett.

Sport