Il-president ta’ Hamrun Spartans, Joseph Portelli, jidher li jinsab pass ‘il bogħod milli jakkwista l-klabb Taljan hekk kif rapporti fil-media Taljana qed isostnu li l-ishma mistennija jiġu trasferiti f’idejh sal-aħħar ta’ Marzu.
Is-sit Nocerina Live irrapporta li t-Tlieta filgħaxija saret laqgħa virtwali bejn iż-żewġ partijiet, fejn intlaħaq qbil sabiex Nocerina 1910 tgħaddi f’idejn Joseph Portelli.
Skont l-informazzjoni li ħarġet, il-punti ewlenin tal-operazzjoni ġew kondiviżi u diġà ntlaħaq ftehim fil-prinċipju dwar il-bejgħ tal-kumpanija.
Issa jmiss il-passi formali, inkluża laqgħa straordinarja tal-azzjonisti sabiex jiġi rratifikat uffiċjalment it-trasferiment tal-ishma.
Wara ġimgħat ta’ kuntatti u verifiki, il-proġett tal-intraprenditur Malti Portelli jidher li jinsab viċin li jsir realtà.
Jekk kollox jimxi skont kif qed jiġi r-rappurtat fil-media Taljana, sa tmiem Marzu Nocerina jista’ jkollha sid ġdid.
Joseph Portelli pass ‘il bogħod milli jakkwista l-klabb Taljan, Nocerina 1910



