Fid-dawl tar-reviżjoni tar-regolamenti Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat, speċifikament I-għajnuna de minimis, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar ged taħdem biex in-negozji li ġejjin minn gżejjer jibbenefikaw minn aktar għajnuna anke minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari u l-iżvantaġġi tagħhom. Din se twassal għal għajnuna lura lill-konsumatur Malti u Għawdxi.
Fost inizjattivi oħra, Cutajar ikkontribwixxiet għal konsultazzjoni pubblika mill-Kummissjoni Ewropea u ressqet mistoqsija Parlamentari lill-istess Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-MPE imbuttat dan il-punt f’laqgħa riċenti mal-Kummissarju Margrethe Vestager, fejn enfasizzat mill-ġdid is-sejħa għall-flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ negozji li ġejjin minn gżejjer, sejħa li kienet inkluża fir-Rapport dwar il-Gżejjer u l-Politika ta’ Koeżjoni, li Cutajar innegozjat is-sena li għaddiet.
Pressjoni bħal din hija sinifikanti peress li qed titlob għal żieda fil-limitu massimu tal-finanzjament li gvern nazzjonali jista’ jagħti lin-negozji lokali tiegħu, mingħajr skrutinju addizzjonali tal-Kummissjoni. Peress li r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw bl-istess mod għan-negozji Ewropej, irrispettivament minn fejn ġejjin, ir-regoli kif inhuma ma jqisux ir-realtajiet differenti tal-gżejjer.
“Dak li qed nipproponi huwa li n-negozji li ġejjin mill-gżejjer Ewropej, li iġarrbu spejjeż ogħla minħabba t-trasport, il-livell tad-domanda u inqas riżorsi b’mod ġenerali, jibbenefikaw minn għajnuna msaħħa mill-gvernijiet lokali tagħhom, anke permezz tar-reviżjoni tal-limitu massimu tal-għajnuna de minimis” qalet il-MEP Cutajar.
“Naturalment, dan jgħin lin-negozji Maltin u Għawdxin, biex jibqgħu kompetittivi, filwaqt li joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom bl-aħjar prezz possibbli lill-konsumaturi, speċjalment bħalissa, biż-żieda attwali fl-inflazzjoni u l-ispejjeż relatati mat-tranżizzjoni diġitali u ambjentali”, kompliet il-MPE.
Għaldaqstant, il-limiti massimi tal-għajnuna de minimis għall-gżejjer Ewropej għandhom jiġu riveduti u adattati għall-ispejjeż addizzjonali u l-isfidi li jiffaċċjaw il-gżejjer. “Ir-regoli Ewropej għandhom jitfasslu b’tali mod li jpoġġu lil dawk ġejjin mill-gżejjer fuq l-istess livell ta’ kompetizzjoni ma’ dawk ġejjin mill-kontinent.” ikkonkludiet Josianne Cutajar.