Saturday, December 21, 2024

Josianne Cutajar b’kontribut importanti għal vot storiku dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

Aqra wkoll

Il-plenarja fi Strasburgu tat vot b’saħħtu ta’ fiduċja favur il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew b’rabta mal-Att il-ġdid għal regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, liġi li l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar ħadmet fuqha bħala Negozjatriċi tal-pożizzjoni tal-Kumitat tat-Trasport u t-Turiżmu.

F’dibattitu fil-plenarja li seħħ lejliet il-vot, Dr Josianne Cutajar saħqet li hu essenzjali li naċċertaw li l-intelliġenza artifiċjali tiġi żviluppata b’tali mod li żżomm lill-bniedem fiċ-ċentru tagħha. Din il-liġi hi immirata li tikseb bilanċ importanti. ‘Min-naħa l-waħda, irridu ninkoraġġixxu l-investiment u l-progress teknoloġiku, filwaqt, li mill-banda l-oħra, irridu nirregolaw dan il-qasam b’mod li nirrispettaw il-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħna. Għaldaqstant, qegħdin naraw li nistabilixxu regoli komuni li, fost l-oħrajn, jinkludu l-projbizzjoni ta’ ċerti prattiċi fejn tidħol l-użu ta’ din it-tekonoloġija, u dan biex jitnaqsu l-perikli li jeżistu minħabba preġudizzji algoritmiċi, kif ukoll fejn jidħol dak li jissejjaħ ‘generative AI’’ qalet il-MPE Cutajar.  

Josianne Cutajar kompliet li dan kollu jista’ jseħħ biss jekk niżguraw li l-ħaddiema u n-negozji tagħna, speċjalment dawk żgħar u medji, ikollhom il-ħiliet u r-riżorsi neċessarji biex ma jaqgħux lura, u saħansitra jibbenifikaw mill-opportunitajiet li qed jinħolqu f’dan is-settur. Permezz ta’ regoli ċari fil-qasam, nistgħu nrawmu l-fiduċja, kemm tal-konsumatur, kif ukoll tal-investituri, filwaqt li ninċentivaw aktar investiment favur soluzzjonijiet teknoloġiċi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, inkluż fejn jidħol trasport aktar inklussiv għall-persuni b’diżabilità jew bi problemi ta’ mobbiltà, ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.

Ekonomija

Sport