Thursday, December 19, 2024

Josianne Cutajar mill-ġdid fdata biex tkompli bil-ħidma tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza fil-PE

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar reġgħet ġiet fdata biex tkompli bil-ħidma tagħha bħala Rapporteur Permanenti għall-Integrazzjoni tal-Ġeneru fil-Kumitat tal-Industrija, Riċerka u Enerġija (ITRE) fil-Parlament Ewropew f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi.

F’din il-kariga, il-MPE Cutajar hija wkoll awtomatikament membru fil-‘Gender Mainstreaming Network’, li huwa grupp li jaħdem biex jassigura politika ugwali fil-qasam tal-ġeneru. Dr Cutajar diġa’ kienet ġiet appuntata f’din il-kariga sentejn u nofs ilu. F’kummenti li tat f’dan ir-rigward, Josianne Cutajar qalet li tinsab onorata bil-vot ta’ fiduċja li ngħatat biex tkompli l-ħidma tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza.

Hi saħqet li għalkemm qed isir ħafna titjib fejn tidħol l-ugwaljanza tal-ġeneru, għad fadal ħafna xi jsir biex verament naslu għal ugwaljanza fejn jidħlu diversi oqsma, inkluż fil-qasam tal-industrija u t-teknoloġija. “Ninsab ħerqana biex bħalma għamilt f’dawn l-aħħar sentejn, nibqa’ nara li l-ħidma tal-Kumitat ITRE timbotta wkoll għal ugwaljanza effettiva, anke’ billi nassiguraw l-integrazzjoni tal-ġeneru fil-politika u l-liġijiet li naħdmu fuqhom. Dan jista’ jwassal biex in-nisa jkollhom opportunitajiet daqs l-irġiel f’setturi differenti u biex il-bżonnijiet u perspettivi ta’ ġeneri differenti jkunu kkunsidrati kontinwament” qalet l-MPE.

“Naturalment, ma nistax ma nsemmix b’mod speċifiku li hemm bżonn aktar ħidma biex aktar nisa jidħlu bi ħġarhom għall-karrieri fix-xjenza, it-tekonoloġija, l-inġinerija u l-matematika – il-karrieri STEM. Bħalma imbuttajt biex dan isir fl-aħħar sentejn, hekk ukoll bi ħsiebni nkompli nagħmel fiż-żmien li ġej”, temmet tgħid il-MPE.

Ekonomija

Sport