F’intervent fil-Malta Hospitality Forum 2023 tal-MHRA, il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza ta’ investiment kontinwu f’sett komprensiv ta’ ħiliet fost il-ħaddiema fis-settur tal-ospitalità, sett ta’ ħiliet li għandu wkoll jattrezza lill-ħaddiema u l-intraprendituri tagħna għat-tranżizzjoni ambjentali u diġitali u l-miri relatati tal-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li enfasizzat il-ħtieġa li nimxu lejn aktar turiżmu ta’ kwalita’, Cutajar enfasizzat l-importanza li nieħdu vantaġġ mill-istorja unika u distintiva ta’ Malta, flimkien mal-wirt kulturali tagħna, biex niddistingwu lill-gżejjer tagħna minn destinazzjonijiet oħra li jikkompetu magħna għat-turisti. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat ukoll il-valur li ħaddiema barranin fl-industrija tal-ospitalità ta’ pajjiżna jitkellmu l-Malti u jkollhom għarfien kulturalilokali.
Dwar is-sett ta’ liġijiet Ewropej li qed jiġu diskussi bħalissa b’rabta mal-Migrazzjoni għal skopijiet ta’ xogħol, Cutajar innotat li l-UE u Malta għandhom jieħdu l-opportunita’ biex jiżguraw li jkollna liġijiet fis-seħħ li jagħmluha aktar faċli biex in-negozji tagħna jsibu u jagħżlu l-aqwa talent, li tgħin ukoll biex tiġi żgurata r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-settur tal-ospitalità madwar il-kontinent.
Fir-rigward tad-Deċennju Diġitali, Dr Josianne Cutajar enfasizzat l-irwol ċentrali tad-diġitalizzazzjoni fl-ospitalità u t-turiżmu. Hija osservat li t-teknoloġija mhijiex biss għodda indispensabbli għan-negozju modern, anke minħabba l-aspettattivi tal-konsumatur għal aktar soluzzjonijiet diġitali li qegħdin dejjem jiżdiedu, iżda wkoll mezz kif Malta tista’ ttejjeb aktar il-kompetittività tagħha fix-xena globali.