Wara kritika li saritlu, Joven Tenishia tella’ filmat fuq il-mezzi soċjali fejn qal li hu kien qed jirreferi għall-attivitajiet tal-massa b’mod inġenerali u mhux għall-parties biss u li fil-kummenti tiegħu ma kien qed jinsisti xejn.
Aktar qabel: Id-DJ magħurf Joven Grech, li kien jifforma parti mid-duo Tenishia, huwa tal-fehma li l-parties m’għandhomx jitħassru għax fl-aħħar jiem rajna żieda fil-każijiet tal-Covid19.
Fuq il-media soċjali huwa għamilha ċara li s-saħħa u s-sigurtà jibqgħu l-prijorità ewlenija ta’ kull attività li ssir.
Fl-istess waqt huwa sostna li hemm mezzi tax-xandir u gruppi b’aġendi politiċi li qed jużaw is-sitwazzjoni favur tagħhom b’uħud qed jippruvaw ibeżżgħu biex jagħmlu ħsara lill-industrija tad-divertiment.
“Erbatax-il każ mhux żieda. Huma ftit persuni sfortunati li nzertaw li laqqtu l-Covid19 flimkien”.
Grech issuġġerixxa li l-organizzaturi tal-attivitajiet jagħmlu scan tal-karti tal-identità ta’ dawk li jattendu ħalli jkunu jistgħu jaġixxu malajr jekk ikun hemm xi każ.
Huwa sostna li 26 każ mhux biżżejjed biex iwaqqfu l-pajjiż u waqt li iddeskriva dan in-numru bħala wieħed baxx u kontrollabbli irrimarka li jekk il-każijiet jiżdiedu ovvju li jkun hemm nies li mhux se jattendu.
“Taqgħux għall-biżà li qed jippruvaw ixerrdu. Il-parties qed jiġu wżati biex ibeżżgħu aktar l-anzjani li diġà għandhom idea ħażina tagħhom”.
Grech issuġġerixxa wkoll lill-artisti li jieħdu nota ta’ dawk fil-media li qed jaġixxu b’dan il-mod u meta jitolbuhom xi biljett b’xejn VIP jibgħatuhom jixxejru.
Fi tmiem il-kumment tiegħu d-DJ magħruf jinsisti li s-saħħa hija l-prijorità ewlentija u waqt li wera t-tama li l-Gvern ma jċedix għall-pressjoni saħaq li jekk il-Gvern jgħid le kulħadd għandu jimxi miegħu.