Sunday, August 31, 2025

Jubilee Cup: Is-Selezzjoni tal-MAFA tikseb post għal mal-aħħar erbgħa wara rebħa tajba

Aqra wkoll

Is-selezzjoni tal-MAFA għaddew għas-semifinali tal-ewwel fażi tal-Jubilee Cup meta b’wirja kollettiva għelbu lil Masters Football Malta 3-1.

Kienet logħba divertenti fejn kienet ikkaratterizzata wkoll minn tliet penalties, bi tnejn minnhom li ġew falluti.

Il-MAFA kellhom il-mumenti tagħhom fejn xprunati miż-żewġ plejers ta’ Balluta Barracudas Timmy Zammit Lupi u Andrew Tortell, ħolqu paniku fid-difiża tal-Masters.

MAFA marru minn fuq wara biss seba’ minuti meta kien hemm azzjoni tajba mix-xellug bil-ballun jasal għand l-aqwa skorer tal-kampjonat Andrew Tortell li xeħet ġewwa.

Il-Malta Amateur Football Association kellhom iċ-ċans jirduppjaw l-iskor wara li fis-26 minuta ngħataw penalty iżda Nikola Neskovic ra x-xutt tiegħu milqugħ mill-goalkeeper bravu Stephane Moto Bitseki.

Minuta wara kienu l-Masters li ngħataw penalty wara li kien hemm difensur tal-MAFA li mess il-ballun b’idu sabiex mill-11-il metru, kien Firas Aboulezz li xeħet wara Jianiro Camilleri.

Bl-ewwel taqsima li għalqet 1-1.

Fit-tieni taqsima, iż-żewġ naħat kienu tajbin fejn bdew jheddu b’diversi xuttijiet iżda l-goalkeepers rispettivi kienu dejjem attenti.

Kien fis-66 minuta li MAFA rduppjaw l-iskor meta wara cross mil-lemin, kien Timmy Zammit Lupi li bir-ras għeleb lil Bitseki.

L-emozzjonijiet baqgħu ġejjin u fis-70 minuta kien hemm penalty ieħor għal Masters wara irregolarita’ fil-kaxxa. Iżda din id-darba, Firas Aboulezz ra l-ballun tiegħu jaħbat mal-lasta.

MAFA issiġġillaw ir-rebħa fit-72 minuta meta wara kontrattakk veloċi, kien Timmy Zammit Lupi li kkonkluda u b’hekk għeleb lil Bitseki għat-tielet u l-aħħar darba.

Issa l-MAFA jilagħbu kontra l-IASC nhar is-Sibt li ġej.

Referee kien Danilo Francalanza.

Sadanittant f’logħba oħra li ntlagħbet fis-Sirens Stadium, is-selezzjoni ta’ SWAN iddominaw għal kollox il-konfront kontra GIDA tant li rebħu 7-1.

GIDA, li kienu rrappreżentati miċ-champions tagħhom MLS, kellhom l-ewwel kwarta ferm negattiva fejn kienu diġa’ 3-0 minn taħt.
SWAN iddominaw sew il-partita bl-attakkant Niġerjan Abba Auwal li kien ta’ xewka għad-difiża tal-GIDA. Hu kien il-protagonist assolut ta’ din il-partita meta skorja ħames gowls.

Andrea Borg u Jean Christ Buttigieg skorjaw il-gowls l-oħrajn tas-SWAN, bil-GIDA li kellhom il-konsolazzjoni li jiskorjaw il-gowl uniku tagħhom permezz ta’ Luke Mifsud.

Referee kien Igor Kankaras.

SWAN issa jilagħbu kontra l-Veterani Maltin fis-semifinali

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport