Minn Cristian Muscat
Meta beda jintlagħab ir-round tal-Aħħar 32 tal-Jubilee Cup, issa jidħlu fix-xena t-timijiet tal-Malta Premier League hekk kif il-finali se tintlagħab fit-8 ta’ Diċembru li ġej.
Din il-kompetizzjoni ġiet organizzata biex tikkommemora l-125 anniversarju mit- twaqqif tal-Malta Football Association, fl-1900.
It-timijiet tad-diviżjonijiet kollha kif ukoll dawk ta’ Għawdex se jkunu qed jieħdu sehem fejn ġew inklużi wkoll seba’ selezzjonijiet tal-Assoċjazzjonijiet Membri.
Total ta’ 45 team ħadu sehem fl-ewwel fażi ta’ din il-kompetizzjoni li kienu maqsuma f’erba’ gruppi – North, South, Gozo u l-Assoċjazzjonjiet Membri.
Mill-ewwel fażi kkwalifikaw 10 timijiet li kienu – Malta Veterans, Qormi, Attard, Senglea Athletic, Victoria Hotspurs, Lija Athletic, Kirkop United, SK Victoria Wanderers, Kercem Ajax u Qala Saints.
Fit-Tieni Fażi daħlu jilagħbu tmien timijiet miċ-Challenge League li kienu – Birżebbuġa St Peter’s, Melita, Marsa, Fgura United, Mtarfa, Mgarr United, Gudja United u Zurrieq.
Minn dawn ikkwalifikaw Birżebbuġa SP, Melita, Fgura U., Mgarr U. u Zurrieq. Dawn il-ħames timijiet daħlu fil-polza tal-Aħħar 32.
Din il-kompetizzjoni bdiet tintlagħab fid-29 ta’ Awwissu bl-ewwel partita tkun dik bejn il-MESA u Malta Veterans b’dawn tal-aħħar joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.
B’kollox s’issa intlagħbu 41 partita li erba’ minnhom ġew deċiżi bl-għoti tal-penalties mingħajr ma ntlagħab il-ħin barrani.
F’dawn il-41 partita ġew skorjati 173 goal … bi 13 minnhom waslu mill-11-il metru … minn 113-il skorer … minn 17-il nazzjonalitajiet differenti.
Il-Maltin kienu l-aktar li skorjaw b’total ta’ 78 goal, segwiti minn dawk Brażiljani (28) u Niġerjani (23).
Interessanti huwa l-fatt ukoll li ġew skorjati 23 doppjetti.
L-aqwa skorer s’issa huwa l-attakkant Niġerjan tas-selezzjoni ta’ Swan League, Auwal Abba, b’total ta’ seba’ goals.
Huwa jgawdi wkoll ir-rekord ta’ ħames goals f’partita waħda, fir-rebħa ta’ 7-1 fuq il-GIDA.
Peró, ma jistax jiskorja aktar minħabba li t-team tiegħu ġie eliminat.
Il-partiti ġew ikkontrollati minn 22 referees.
*Intant, Il-leaders tal-Premier League, Floriana, jiltaqgħu kontra Birżebbuġa St Peter’s li jinsabu fil-11-il post taċ-Challenge League.
Is-Saints għaddew għal dan ir-round b’rebħa kbira ta’ 8-1 fuq Malta Veterans, fejn David Oliveira Souza skorja xejn inqas minn erba’ goals.
Hamrun Spartans, li jinsabu fit-tielet post, jilagħbu kontra Senglea Ahtletic li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika tal-Amateur League 1 mingħajr l-ebda punt.
Peró, huma eliminaw lil Għaxaq (5-0) u lil Qormi (3-0).
Ir-rebbieħa ta’ dawn iż-żewġ konfronti jiltaqgħu kontra xulxin fl-Aħħar 16, li jfisser li jista’ jkollna konfront kolossali bejn Floriana u Hamrun Spartans.
Valletta, li jinsabu fit-tieni post tal-Premier League, jiffaċċjaw lit-team li jinsab fit-tielet post taċ-Challenge League, Melita, li fit-tieni fażi eliminaw lil Marsa bl-għoti tal-penalties bl-iskor ta’ 3-1 wara li temmew fi draw ta’ 3-3.
Ir-rebbieħa ta’ din il-partita jilagħbu kontra r-rebbieħa bejn iż-żewġ timijiet taċ-Challenge League, Swieqi United u Mgarr United, b’dawn tal-aħħar eliminaw lil Gudja United bl-iskor ta’ 1-0.
Gzira United, li jinsabu fid-disa’ post tal-Premier League jiltaqgħu kontra l-leaders taċ-Challenge League, Fgura United, li għadhom kif kisbu l-kwalifikazzjoni għal dan l-istadju b’rebħa kbira ta’ 6-1 fuq Mtarfa.
Min jirbaħ dan il-konfront jilgħab kontra r-rebbieħa bejn it-team fl-10 pożizzjoni tal-Premier League, Tarxien Rainbows u Kercem Ajax, li jinsabu fit-tielet post tal-Ewwel Diviżjoni tal-Kampjonat Għawdxi.
Biex waslu sa dan l-istadju, Kercem għelbu liż-żewġ timijiet Għawdxin, Xagħra United (6-0) u Għajnsielem (4-1).
Partita oħra interessanti hija dik bejn Marsaxlokk, li jinsabu fis-seba’ post tal-Premier League kontra Balzan li jinsbau fid-disa’ post taċ-Challenge League.
Ir-rebbieħa jilagħbu kontra Hibernians, li jinsabu fir-raba’ post tal-Premier League kontra Kirkop United, li jinsabu fir-raba’ post tal-Amateur League 1 … li eliminaw lil St Venera Lightnings (5-1), Xgħajra Tornados (3-0) u SK Victoria Wanderers (4-0).
It-team li jinsab fl-aħħar post tal-Premier League, Mosta, jaffronta lit-team Għawdxi li jinsab fir-raba’ post tal-Ewwel Diviżjoni, Qala Saints.
Is-Saints eliminaw lil Xewkija Tigers (3-0) u lil Zebbug Rovers (4-0).
L-avversarji tar-rebbieħa ta’ din il-partita se jkunu ż-żewġ timijiet taċ-Challenge League, Zurrieq (14) jew Vittoriosa Stars (13).
Sliema Wanderers, li jinsabu fil-ħames post tal-klassifika tal-Premier League, ittellgħu biex jilagħbu kontra St Andrew’s li jinsabu fl-10 pożizzjoni taċ-Challenge League.
Ir-rebbieħa se jilagħbu kontra Birkirkara li proprju lbieraħ għelbu lil Victoria Hotpsurs bl-iskor ta’ 4-2 bil-penalties wara draw 1-1.
It-team fit-tmien pożizzjoni tal-Premier League, Zabbar St Patrick, jiffaċċja lil Pietá Hotspurs li wkoll jinsabu fit-tmien post taċ-Challenge League.
Ir-rebbieħa ta’ dan il-konfront jilagħbu kontra r-rebbieħa bejn Naxxar Lions, li jinsabu fil-11-il post tal-Premier League u Sta Lucia li jinsabu fis-seba’ post taċ-Challenge League.
Konfront bejn żewġ timijiet tal-Amateur League 1 huwa dak bejn il-leaders Attard u Lija Athletic li jinsabu fl-10 post.
Filwaqt li Attard eliminaw lil Rabat Ajax (4-2) u lil Msida St Jospeh (3-1), Lija rebħu lil Mdina Knights (4-1) u lil San Gwann (3-0).
Ir-rebbieħa jilagħbu kontra Zebbug Rangers li għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-1.