Il-midfielder internazzjonali Ingliż ta’ Borussia Dortmund, Jude Bellingham, għamel pass kbir biex jingħaqad ma’ Real Madrid hekk kif ġie rappurtat li huwa aċċetta l-kundizzjonijiet kollha li ġie offrut mill-club Spanjol.
Wara li sar magħruf li Liverpool irtiraw mill-interess tagħhom fuq dan il-player ta’ 19-il sena hekk kif ir-Reds kienu d-destinazzjoni preferuta tiegħu, f’dawn l-aħħar ġimgħat il-Madrileni bdew iħejju biex jagħmlu kuntatt mal-club Ġermaniż fit-tentattiv biex jegħlbu l-isfida ta’ Manchester City.
Il-fatt li l-attakkant tas-Citizens, Erling Haaland, kien jilgħab fl-istess team ta’ Borussia Dortmund, seta’ kkundizzjona l-futur ta’ Bellingham.
Iżda dan tal-aħħar kien stqarr li jekk ma jilgħabx ma’ Liverpool ma kienx lest jilgħab fil-Premier Ingliż minħabba li fil-familja tiegħu hemm passjoni kbira lejn dan il-club.
U ladarba Real Madrid ħabbru l-interess tagħhom, ma kien hemm l-ebda eżitazzjoni min-naħa tal-player.
It-talba ta’ Borussia hija dik ta’ £130 miljun liema somma l-club Spanjol huwa lest li jħallas.
Issa sar magħruf li Bellingham aċċetta d-dettalji u l-kundizzjonijiet kollha tal-proposti ta’ Real biex din it-tweġiba fl-affermattiv tippermetti biex it-trasferiment ikun konkluż fil-jiem li ġejjin.
Bellingham ġie kkwotat li qal li jinsab ferm eċċitat bil-proġett tal-Madrileni li huma meqjusa bħala wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja.