Wolves għamlu kuntatt ġdid biex jipperswadu lil Julen Lopetegui biex isir il-coach permanenti l-ġdid tagħhom.
Fil-bidu ta’ Ottubru, Wolves temmew ħesrem il-kuntratt ta’ dak preċedenti, Bruno Lag, biex Lopetegui sar il-mira ewlenija tagħhom hekk kif min-naħa tiegħu telaq lil Sevilla.
Madankollu, l-Ispanjol irrifjuta l-impjieg minħabba raġunijiet familjari minħabba li ried iqatta’ ħafna ħin ma missieru li għandu 92 sena u li kien ilu ma jara.
Wara li telaq lil Sevilla, huwa qal: “L-uniku pjan tal-futur li għandi bħalissa hu li mmur nara lil missieri, li għandu 92 sena u ilni ma narah.
“Il-familja tiegħi hija importanti ħafna … tgħix bl-intensità tal-professjoni tagħna, nieħdu l-problemi tagħna d-dar, u għaldaqstant nirrispettaha u grat ħafna lejha. Hi tagħtini s-saħħa biex inkompli naħdem fil-football.”
Wara li Wolves fallew milli jipperswadu lill-coach ta’ QPR, Michael Beale, huma reġgħu dawru l-attenzjoni tagħhom fuq il-coach Spanjol.
Iżda din id-darba jidher li r-risposta ta’ Lopetegui se tkun fl-affermattiv iżda jrid garanzija li jingħata l-fondi biex tissaħħaħ l-iskwadra.
Wolves ħatru lill-assistant coach, Steve Davis, fuq bażi temporanja sal-2023. Iżda issa qed jittamaw li jistgħu jiftiehmu ma’ Lopetegui sabiex potenzjalment anke jieħu l-inkarigu qabel il-waqfa tat-Tazza tad-Dinja aktar tard dan ix-xahar.