Friday, November 22, 2024

Julian Assange jingħata ċ-ċans li jappella

Rebħa temporanja għat-trasparenza u l-kontabilità… kwistjonijiet li huma essenzjali fil-ħajja pubblika u l-ġurnaliżmu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Rebħa temporanja għat-trasparenza u l-kontabilità. Daqqa ta’ ħarta għal kollużjoni bejn politiċi li jridu jdaħħlu partijiet mid-dinja fi gwerra. Hekk tista’ titqies ir-rebħa li lbieraħ filgħodu għamel Julian Assange, il-fundatur ta’ WikiLeaks, li fis-sena 2020 u 2011 xandru eluf ta’ fajls kundifenzjali. Din ir-rebħa saret wara li l-Qorti Ingliża iddeċidiet li Julian Assange jista’ jappella mid-deċiżjoni li jkun estradit lejn l-Istati Uniti. Assange ilu għal xejn inqas minn ħames snin f’wieħed mill-aktar ħabsijiet siguri fir-rendu Unit.

Julian Assange għandu twemmin partikolari. Jemmen li l-ġurnalisti huma l-aġenti tan-nies u mhux ta’ dawk li huma fil-poter. Kien għalhekk li hu waqqaf il-WikiLeaks. Għal Assange it-trasparenza u l-kontabbilità huma kwisjtonijiet morali li huma essenzjali għal ħajja pubblika u għall-ġurnaliżmu. Assange, li tista’ tgħid li hu bniedem li ġġieled għad-demokrazija, jemmen li l-poplu għandu jkun jaf bis-sigrieti moħbija. B’dak li jaħbu il-politiċi minn għajnejn il-poplu, dawk l-istess politiċi li jaġixxu f’isem il-poplu.

Julian jemmen li jekk dawk fil-poter jigdbu lill-poplu, l-istess poplu għandu dritt ikun jaf. Jekk il-politiċi jitkellmu mod fil-privat imma fl-apert jitkellmu bil-kuntrarju, jemmen li l-poplu għandu jkun jaf. Jekk il-politiċi jaġixxu minn wara dahar il-poplu kif sar minn Bush u Blair fuq l-Iraq, il-poplu għandu jkun infurmat.

Hi prorpju din il-moralità li tqieset bħala theddida għall-kollużjoni bejn persuni li għandhom il-poter, u li jridu jitfgħu partijiet mid-dinja fi gwerra, li jridu li litteralment jidfnu li Julian Assange ħaj f’ħabs. L-għan hu wieħed li jsikktu u jikkriminalizzaw lil WikiLeaks u l-fundatur tagħha. Dak imxandar minn WikiLeaks wera biċ-ċar li hemm gwerra għaddejja minn xi politiċi fuq prinċipji bażiċi – dak tal-libertà tal-kelma, il-libertà tal-ħsieb u d-demokrazija.

U Assange, poġġa lil dawk li llum huma l-prosekuturi tiegħu f’pożizzjonijiet antipatiċi immens. Bi żvelar ta’ informazzjoni sensittiva, Assange wera li kien hemm gwerer li saru fuq informazzjoni mhux veritiera, il-korruzzjoni ta’ dittatura u l-inumantià fi Guantanamo.

Quddiem dak li għaddej minnu Julian Assange, hu id-dmir ta’ kull ġurnalist li juri appoġġ miegħu. Julian kien ta’ ispirazzjoni għal ħafna.

Julian Assange, il-fundatur ta’ Wikileaks, kien għamel l-appell finali kontra l-estradizzjoni tiegħu mir-Renju Unit lejn l-Istati Uniti.

Il-proċess kien qed ikun trattat mill-Ogħla Qorti ta’ Londra u meta Assange, li ma kien ippreżenta ruħu l-qorti minħabba raġunijiet ta’ mard, kien ilu miżmum il-ħabs fl-Ingilterra mis-sena 2019. Dan meta l-Istati Uniti kienet qed tinsisti għall-estradizzjoni ta’ Assange wara li hu kien kixef id-dokumenti militari sigrieti tal-Amerikani fis-sena 2010 u l-2011.

Kien fis-sena 2021, meta l-Ogħla Qorti Britannika kienet iddeċidiet li Assange għandu jintbagħat l-Istati Uniti u fejn ma aċċettatx l-appelli li Assange, li qed ibati bi problemi mentali, jista’ ineħħi ħajtu jekk kemm-il darba jispiċċa f’ħabs fl-Istati Uniti.

U sena wara, il-Qorti Suprema f’Londra konfermat din id-deċiżjoni, bl-eks Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Priti Patel, ukoll tikkonferma d-direttiva għall-estradizzjoni ta’ Assange.

Is-smigħ fil-Qorti Ingliża itratta l-appell ta’ Assange biex jitħalla jirrevedi d-deċiżjoni ta’ Patel filwaqt li kkontesta d-digriet tal-qorti tas-sena 2021.
Julian Assange qed jinsisti li l-każ kontra tiegħu hu motivat minn skop politiku – bl-avukati tiegħu kmenu ssuġġerew li kapaċi jressqu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani f’sitwazzjoni fejn hu jitlef ‘l-aħħar appell’.

Ir-Renju Unit f’nofs is-sena 2022, wara ħafna xhur, approva l-estradizzjoni ta’ Julian Assange, l-attivista Awstraljan li waqqaf  l-organizzazzjoni Wikileaks, lejn l-Istati Uniti. Il-konferma dakinhar kienet ingħatat mill-Home Secretary, Priti Patel u dan ifisser li Assange – li hu mfittex mill-Istati Uniti talli kien żvela informazzjoni klassifikata u sensittiva għall-Amerikani – għandu sa 14-il jum biex jappella mid-deċiżjoni.

Il-Home Office f’Londra sostna li l-qrati fir-Renju Unit iddeċidew li l-estradizzjoni ta’ Assange lejn l-Istati Uniti mgħandhiex tkun inkompatibbli mad-drittijiet umani tiegħu. Il-qrati kienu sodisfatti li Assange, ladarba jittieħed lejn l-Istati Uniti,  għandu jkun trattat b’mod xieraq u dinjutuż.

L-Istati Uniti ilha s-snin tinsisti għall-estradizzjoni ta’ Assange wara li l-attivista kien responsabbli mill-famuż żvelar ta’ dokumenti importanti fis-sena 2010 u l-2011. Dokumenti li skont l-Istati Uniti spiċċaw żvelati bi ksur tal-liġi u b’mod li perikola l-ħajja tan-nies.

Il-Wikileaks ta’ Assange hi organizzazzjoni internazzjonali li tippubblika żvelar tal-aħbarijiet flimkien ma’ data li suppost li tinżamm klassifikata.
L-iżvelar tad-dokumenti li  qanqal reazzjoni daqstant rabbjuża mill-Istati Uniti kien jinvolvi dokumenti relatati għall-gwerer fl-Iraq u l-Afganistan.

Ta’ min jgħid li Julian Assange kien. ġie arrestat f’Londra mill-Pulizija Ingliża fis-sena 2019. Hu kien ġie arrestat fl-ambaxxata tal-Ekwador. Dakinhar malli ħareġ mill-bini, Julian Assange deher miżmum minn numru ta’ uffiċjali, b’leħja twila bajda u bi ktieb f’idejh. Assange kien ilu madwar seba’ snin li sab refuġju f’din l-ambaxxata wara li kien evita l-estradizzjoni lejn l-Iżvezja. Dan minħabba akkużi ta’ abbuż sesswali, liema akkużi eventwalment kienu waqgħu.

Fis-sena 2019 id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan kien ippreżenta xejn intas minn 17-il-akkuża ġdida kontra Julian Assange. Assange qed jiġi akkużat li rċieva u ppubblika l-ismijiet ta’ sorsi sigrieti li ma kellhomx jiġu ppubblikati. Aktar qabel huwa kien akkużat li kkomplotta ma’ eks analista tas-servizzi sigrieti Chelsea Manning biex jikseb aċċess mis-sistema tal-Pentagon.

Sport