Monday, April 6, 2026

Julian Galea… se jiġri 100 kilometru b’risq Caritas Malta 

Aqra wkoll

Minn nuqqas ta’ fiduċja fih innifsu għal sfida li ftit jaħsbu li jistgħu jaffaċċjaw. Din hi l-istorja ta’ Julian Galea, li bla dubju hi waħda ta’ trasformazzjoni, determinazzjoni u kuraġġ. Fis-26 ta’ April li ġej, huwa se jibda ġirja epika ta’ 100 kilometru b’risq Caritas Malta, inizjattiva li tmur lil hinn mill-isport u tmiss il-qalb tal-komunità.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt kemm ma’ Galea kif ukoll mal-kowċ tiegħu Charles Calleja li tawna aktar informazzjoni dwar din il-bravura li se sseħħ aktar tard dan ix-xahar.

Sa ftit snin ilu, Galea jistqarr li ma kienx jemmen fih innifsu. “Meta bdejt nittrenja, kont kważi ma nemminx fija. Kelli ħafna biża’ u dubji,” qal b’sinċerità. Iżda kollox beda jinbidel hekk kif beda jara progress ċar fil-prestazzjoni tiegħu. “Meta rajt li qed nitjieb fil-ħinijiet u fil-livell tiegħi, xtaqt nagħmel xi ħaġa kbira biex nuri lili nnifsi kemm jien kapaċi.”

Din il-motivazzjoni wasslitu biex illum qed jaffaċċja sfida li teħtieġ mhux biss preparazzjoni fiżika, iżda wkoll saħħa mentali straordinarja. Il-ġirja ta’ 100 kilometru, li se ssir f’Ta’ Qali fuq rotta ta’ 5 kilometri ripetuta 20 darba, hija test estrem ta’ reżistenza. 

L-inizjattiva għandha wkoll skop nobbli: li jinġabru fondi għall-ħidma ta’ Caritas Malta, li toffri servizzi psikosoċjali bla ħlas, inkluż appoġġ għas-saħħa mentali, counselling u social work. Id-Direttur Anthony Gatt saħaq fuq l-importanza ta’ inizjattivi bħal dawn. “Din l-attività tippromwovi ħajja attiva u tagħti messaġġ importanti, dak li wieħed ifittex aktar sfidi li jagħtuh sodisfazzjon reali fil-ħajja.”

Galea għandu wkoll rabta personali ma’ Caritas Malta, u dan jagħmel l-isfida tiegħu aktar sinjifikanti. “Dejjem kelli fiduċja kbira fix-xogħol tagħhom. Għalhekk ridt nagħmel xi ħaġa li tassew tagħmel differenza.”

Il-vjaġġ tiegħu fl-isport beda madwar sentejn u nofs ilu mat-tim tal-OCR Underdogs. Wara li fl-2023 għamel l-ewwel ġirja ta’ ħames kilometri, illum jinsab lest għal sfida li hija 20 darba akbar. Dan il-progress ma sarx b’kumbinazzjoni, iżda permezz ta’ dixxiplina u programm ta’ taħriġ strutturat.

Hawn jidħol ir-rwol kruċjali tal-kowċ tiegħu, Charles Calleja, li ilu jaħdem miegħu b’mod intensiv. “Qed ngħixuha flimkien din l-esperjenza,” qal Calleja. “Huwa sodisfazzjon kbir li mhux biss qed inħejju sfida sportiva, iżda wkoll qed ngħinu kawża importanti bħal dik ta’ Caritas.”

Il-preparazzjoni għal din l-isfida bdiet f’Lulju li għadda, bi programm dettaljat mifrux fuq 42 ġimgħa. “Użajna l-prinċipju imsejjaħ progressive overload,” spjega Calleja. “Bdejna b’distanzi iqsar u b’mod gradwali bdejna nżiduhom, biex il-ġisem jidra l-istrapazz.”

Il-programm kien maqsum f’fażijiet differenti, b’għanijiet speċifiċi għal kull perjodu.

“Kellna tragwardi għal kull term, u ħdimna ħafna kemm fuq il-ġiri kif ukoll fuq taħriġ fiżiku ieħor. Fl-aħħar jiem qabel l-isfida, ovvjament, se jkun hemm aktar mistrieħ biex il-ġisem jirkupra.”

Madankollu, kemm Galea kif ukoll Calleja jaqblu li l-akbar sfida mhijiex fiżika, iżda mentali. “Kollox idur fuq il-moħħ,” saħaq Galea. “Jien bdejt minn punt fejn ma kontx nemmen fija nnifsi, u llum qed nipprepara għal 100 kilometru. Dik hija l-akbar bidla.”

Calleja jaqbel kompletament ma’ dan. “Tista’ tkun fiżikament preparat, imma jekk mentalment ma tkunx hemm, diffiċli ħafna li tlesti sfida bħal din. Għalhekk inkludejna wkoll taħriġ f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, biex inħejjuh għal kull sitwazzjoni possibbli.”

Fil-fatt, illum Galea diġà qed jilħaq sessjonijiet ta’ madwar 10 sigħat ta’ ġiri, prova ċara tal-progress enormi li għamel. Iżda minkejja dan, kemm hu kif ukoll il-kowċ tiegħu jafu li l-ġurnata tal-isfida se tkun test kompletament differenti.

Il-loġistika tal-ġurnata hija ppjanata fid-dettall. Il-ġirja mistennija ddum bejn 14 u 15-il siegħa, b’waqfiet strateġiċi għall-ikel u rkupru. “Se jkollna madwar żewġ waqfiet prinċipali għall-ikel,” spjega Calleja. “Importanti li jieħu kemm likwidi kif ukoll solidi biex jiddiġerixxi sew, u wkoll ikel b’aktar melħ biex jikkumpensa għat-telf li jista’ jkun hemm.”

Barra minn hekk, se jsiru wkoll ċerti massaġġi matul il-ġurnata biex jgħinu l-muskoli jibqgħu tajbin. “Dawn huma dettalji żgħar li jagħmlu differenza kbira fi sfida twila bħal din,” żied jgħid.

Aspett sabiħ ta’ din l-inizjattiva huwa li Galea mhux se jkun waħdu. Għalkemm Calleja mhux se jkun miegħu l-ħin kollu, se jkun qed jikkordina kollox u jara li kollox jimxi skont il-pjan. Barra minn hekk, ġerrejja oħra se jingħaqdu miegħu matul il-ġurnata. “Huwa importanti li jkollu nies jiġru miegħu biex iżommulu l-kuraġġ,” qal il-kowċ.

Galea japprezza ħafna dan l-appoġġ. “Li jkollok nies miegħek jagħtik spinta kbira. Din mhix biss sfida personali, iżda esperjenza li qed naqsmuha ma’ oħrajn.”

It-tema tal-attività, “Courage to go the Distance”, tirrifletti perfettament il-vjaġġ tiegħu. Mhijiex biss dwar il-kilometri, iżda dwar il-kuraġġ li temmen fik innifsek, anke meta kollox jidher diffiċli. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport