Ta’ kull sena fl-10 ta’ Diċembru, il-komunità libera u demokratika internazzjonali tfakkar il-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem. It-tema magħżula mill-Ġnus Magħquda għal din is-sena hija “Human Rights, Our Everyday Essentials.” Tema li l-għan tagħha hu li tafferma mill-ġdid il-valuri tad-drittijiet tal-bniedem u tagħti għarfien akbar ta’ kif dawn ifasslu ħajjitna ta’ kuljum, anke b’modi li kultant ma nindunawx bihom.
Kull persuna għandha d-drittijiet tagħha bħala bniedem. Drittijiet li huma varji li jinkludu n-nazzjonalità, il-jedd għax-xogħol, għall-edukazzjoni, għaż-żwieġ, li persuna tkun tista’ tiżviluppa b’mod ħieles il-personalità tagħha, li jkun hemm livell ta’ ħajja suffiċjenti biex jiżguralu ħajtu, għajxien tajjeb għalih u għall-familja tiegħu speċjalment f’dak li hu ikel, ilbies, dar u kura tas-saħħa kif ukoll servizzi soċjali meħtieġa.
Dawn huma kollha drittijiet importanti għal kull bniedem kif dikjarati miċ-Charter tal-Ġnus Maqgħuda, u għandhom jibqgħu jiġu mħarsa kull ħin u kull mument. Għalhekk jibqgħu essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum irrispettivament mir-razza, ġeneru, twemmin jew l-isfond li persuna tkun ġejja minnu. U dan jeħodna għal punt ieħor, dak illi f’dinja fejn għadha f’ħafna każi tirrenja inċertezza, id-dritt għas-sigurtà, li persuna titkellem b’mod liberu u tipparteċipa fid-deċiżjonijiet li jkunu se jaffettwawa, għandhom jibqgħu bla mittiefsa.
Madanakollu, filwaqt li fid-dinja għad hawn dittatorjati li qed iċaħħdu d-drittijiet bażiċi liċ-ċittadini tagħhom, ikun tajjeb li nirrikonoxxu t-titjib mondjali u l-progress kollu li sar tul il-milja tas-snin sabiex iddaħħlu u ġew rikonoxxuti d-drittijiet umani.
Mhux b’inqas f’pajjiżna, fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u anki drittijiet sekondarji huma mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tagħna. Fl-isfond ta’ dan qed naraw lill-Gvern jaħdem bla waqfien sabiex mhux biss ikunu assigurati dawn id-drittijiet imma wkoll li jibqgħu jitgawdew minn kulħadd.
Id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna, qegħdin hemm, minquxa fil-kodiċi tal-liġijiet tagħna. Id-dritt fundamentali għall-ħajja, id-dritt għal trattament u smigħ ġust u xieraq mill-Qrati kif ukoll il-libertajiet ċivili li wieħed jista’ jimmaġina huma inaljenabbli u mħarsa mill-istituzzjonijiet tagħna l-Maltin.
B’danakollu, ma jfissirx li f’pajjiżna m’hemmx bżonn ta’ iktar titjib fejn jidħlu ċerti drittijiet umani. F’dan il-qasam, pajjiżna jkun għamel passi kbar ’il quddiem jekk jirnexxielu pereżempju jnaqqas iż-żmien ta’ stennija fil-kawżi quddiem il-qrati Maltin. Nafu li l-Gvern qed jistinka ħafna biex jasal għal dan, partikularment biż-żieda bla preċedent fl-għadd ta’ ġudikanti. U dan qed jagħmlu għax huwa sewwa u xieraq u wkoll għax jirrikonoxxi illi ġustizzja ttardjata hija ġustizzja miċħuda.

