Ritratt – ROGER AZZOPARDI
Għal sena oħra l-purċissjoni f’Jum id-Duluri reġgħet ma ħarġitx u dan minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Dan però ma waqqafx lin-nies milli jidħlu fil-knejjes u jqattgħu ftit ħin jitolbu quddiem l-istatwa tad-Duluri.
Għada l-Ħadd però mistennija jsiru xi purċissjonijiet f’xi lokalitajiet u nhar it-Tnejn li ġej se jsir pellegrinaġġ nazzjonali fil-Belt bil-Kurċifiss Mirakoluż u d-Duluri.
l-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jmexxi l-pellegrinaġġ nazzjonali bl-istatwa devota tad-Duluri u l-Kurċifiss Mirakoluż ta’ Ġieżu, fit-toroq tal-Belt Valletta. Il-pellegrinaġġ se jibda fis-6.00 p.m. mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu). Fi tmiem il-pellegrinaġġ l-Arċisqof jagħti l-barka sagramentali.
Matul il-pellegrinaġġ se jsir talb sabiex il-Mulej jgħinna waqt dan iż-żmien ta’ nuqqas ta’ paċi fid-dinja, b’mod speċjali fl-Ukrajna u r-Russja. Kien għalhekk li ġie deċiż li għal din il-mixja ta’ fidi bl-istatwa tad-Duluri, jinħareġ ukoll il-Kurċifiss Mirakoluż, li ilu jiġbed lejh devozzjoni kbira mis-seklu sbatax, mhux biss mill-Insara Maltin imma anke mill-barranin li jżuru l-knisja.
L-Insara kollha huma mistiedna u mħeġġa jattendu għal dan il-pellegrinaġġ, li qed jiġi organizzat mill-Arċikonfraternità tas-Santissmu Kurċifiss b’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.