Il-Ħadd li għadda, fil-Kampus tal-Università f’Għawdex, ġie organizzat l-avveniment annwali Gozo Lace Day b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Labra u l-Bizzilla (OIDFA) (Malta) u l-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u Artiġjanat.
Qabel il-ftuħ ta’ din il-wirja kien hemm taħdita minn Kav. Paul Camilleri Cauchi dwar it-teknika tiegħu kif ukoll ta’ missieru dwar tpinġijiet tal-bizzilla fuq portraits ekkleżjastiċi kif ukoll dawk tal-istatwi. Saru wkoll taħditiet oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-manifattura tal-bizzilla lokali, kif tkun tista’ ssir bl-idejn.
Kien hemm disinji ġodda għal din il-ġurnata, Lace Day, disinji biex jitwaħħlu mat-tribu, (speċi ta’ mħadda magħmula mit-tiben u miksija bil-karti) biex fuqu jitwaħħal id-disinn u permezz tal-labar u ċ-ċumbini li jkun fih ftit ħajt, tinħadem is-sengħa tal-bizzilla. Fil-fatt fil-bitħa tal-Kampus ġiet organizzata għal dan il-għan, fejn mistiedna preżenti li jaħdmu l-bizzilla lokali kienu mdawra jaħdmu ma’ mejda biex jingħaqdu u jaqsmu l-esperjenza tagħhom ma’ oħrajn fil-produzzjoni tal-bizzilla.
Din l-attività li kienet tinkludi numru ta’ wirjiet tal-bizzilla ta’ Għawdex fejn kien hemm stands mill-OIDFA (Malta), mill-Koperattiva Għawdxija tal-Bizzilla u Artiġjanat u mill-istudenti taċ-Ċentru għall-Arti u x-Xjenzi Liberali.
Id-dħul ghal dawk li attendew għal din l-attività kien mingħajr ħlas.