Nhar il-Ħamis li ġej, l-Ewwel ta’ Mejju. Jum kbir għall-klassi tal-ħaddiema. Li lill-ħaddiem ma ngħatalux fuq platt tal-fidda. Kellu jagħraq l-għaraq tad-demm biex kisbu. Kellu jikkonfronta mewġ qawwi. Kellu jġorr timbri. Kellu jiffaċċja theddid ta’ skomuniki. Kellu jsib ma’ wiċċu l-ħars bl-ikrah. Kellu jikkonfronta l-akkuża li tkun komunist, bolxevist, jekk jgħaddilek biss minn moħħok li tiċċelebra Jum il-Ħaddiem. Taqra x’għamlu lill-Perit Duminku Mintoff fl-1948 talli flimkien ma’ żgħażagħ oħrajn ‘iffesteġġja’ dan il-jum iġġib għajnejk wara widnejk.
Illum ħaġ’oħra. Illum kollox jimxi mal-kurrent. Illum hawn min sabha komda l-għajta Ingliża ‘if you can’t beat them join them’. Illum kulħadd sar jikkwalifika bħala ‘ħaddiem’. Għalhekk ma niddejjaqx nuża t-terminu ‘klassi tal-ħaddiema’. Mhux għax nemmen fil-klassijiet, imma għax konvint li jekk tinsa’ mnejn tlaqt, imnejn bdejt, allura faċilment tinsa’ dak li għamlu ta’ qablek biex INT illum tinsab aħjar.
Għadda dan kollu minn quddiem għajnejja meta ftit tal-jiem ilu qrajt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ bi slogan għall-Ewwel ta’ Mejju. Attentat ieħor biex b’xi mod il-Partit Nazzjonalista jipprova jagħti lil dak li jkun x’jifhem li anke hu japprezza Jum il-Ħaddiem. Kien sar l-istess min-naħa ta’ Eddie Fenech Adami. Imma kif kien jgħidli n-nannu Grezzju Manxela: ‘Frans żomm f’moħħok li l-lupu jista’ forsi jbiddel sufu imma mhux għemilu.’ Meta kien jisma’ xi ħaġa min-naħa tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-ħaddiema kien jirrimarka u jgħidli ‘temminhomx Frans. Dawk għalihom il-ħaddiema dejjem musrana barranija kienu.’
L-avvanzi li saru favur il-poplu ħaddiem ma jista’ jiċħadhom ħadd. Id-dinja ma bdietx ilbieraħ. Imma dejjem jibqa’ l-fatt illi kieku ma kienux Gvernijiet Laburisti l-klassi tal-ħaddiema lanqas biss toħlom li tkun sid ta’ darha. Huwa grazzi għal Gvernijiet Laburisti li llum huwa x-xogħol li qed jiġri wara l-ħaddiem u mhux il-ħaddiem jiġri wara x-xogħol. Huwa grazzi għal Gvernijiet Laburisti li l-ħaddiem ingħata dinjità. Is-servizzi soċjali lanqas fuq il-karta ma kienu jeżistu. L-edukazzjoni u s-saħħa b’xejn għal kulħadd kienu fantasija. Gvernijiet Laburisti għamluhom realtà.
Għalhekk tweġġa’ meta tiltaqa’ ma’ stejjer li jkunu jirriflettu li min ikun qed iwettaqhom ikun warrab minn quddiem għajnejh il-punt tat-tluq tiegħu. Tinkedd meta tara lil min jaħseb li laħaq is-sema b’idejh u jibda jara lil kulħadd dubbien. Aktar u aktar meta jkun ġej mill-klassi tal-ħaddiema.
Sadattant m’għandna ninsew qatt li Jum il-Ħaddiem huwa sinonimu mal-Perit Duminku Mintoff. Jingħad x’jingħad kien hu li lil dan il-jum għażiż poġġieh fuq il-pedestall li fuqu qiegħed illum. Dan iwassalni għal dak li wasalli mingħand ħabib tiegħi. Parti minn diskors tal-Perit Mintoff waqt Mass Meeting bi tħejjija għall-okkażjoni tal-Ewwel ta’ Mejju.
“Din hija l-festa tas-Soċjalisti, tal-ħaddiema tad-dinja kollha. F’din il-festa l-ħaddiema jiftakru fil-ġrajjiet tal-imgħoddi, jiftakru kif ħuthom tal-imgħoddi, tqabdu, iġġieldu, ħadmu biex nibdlu dinja fejn min kellu s-saħħa kien jużaha biex jaħqar lill-proxxmu tiegħu, biex jibdlu dinja ħalli kemm jista’ jkun il-bnedmin jgħixu bħall-aħwa.
“Illum aħna niftakru fil-ġlidiet li għamlu l-Movimenti tal-Ħaddiema mad-dinja kollha biex jispiċċa dak l-imperjaliżmu, biex jispiċċa l-kolonjaliżmu, biex veru jiġi l-ħelsien. U meta hawn Malta u fl-Ewropa u fl-Amerka jibdew ikellmukom fuq id-drittijet tal-bniedem ftakru fuq dak li qed ngħid jien u tkunu tafu kemm hi kbira l-ipokresija ta’ dawk illi wara li ħallew għal mijiet ta’ snin eluf ta’ miljuni ta’ nies jgħixu bħall-ilsiera, illum, issa, iridu jippriedkaw ma’ kullimkien, id-drittijet tal-bniedem, il-libertà u ħafna minn dawn l-affarijiet.
“Aħna niftakru f’dak kollu u għandna għalfejn niftakruh għax kieku fi żminijietna ma kienx hemm diġà l-ħmira lesta, kieku fi żminijietna ma kienx hemm Tito, ma kienx hemm Makarios, ma kienx hemm Nasser, ma kienx hemm Nehru, ma kienx hawn il-Movimenti għal-Liberazzjoni fl-Alġerija, fit-Tuneżija, fl-Eġittu, f’dawn il-postijiet kollha, aħna ma kienx ikollna dik is-saħħa morali, dik il-forza li aħna wkoll inqumu fuq saqajna u aħna wkoll nieħdu l-ħelsien li ilu ħafna jistħoqqilna.
“Dan niftakruh nhar it-Tlieta u niftakruh bil-qalb. Niftakruh u ngħożżuh, għax għalina dik il-klima politika li kienet teżisti dawk iż-żminijiet kienet qisha bħall-arja għall-pulmun tal-bniedem. Mingħajr dik l-arja l-bniedem ma kienx jista’ jgħix, mingħajr dik l-arja l-bniedem, il-Malti, ma setax jiġġieled għall-ħelsien. U tajjeb li niftakru x’kien ifisser il-ħelsien għalina. L-ewwel ħaġa li kien ifisser il-ħelsien għalina, għal kull Malti, kien ifisser id-dinjità, jiġifieri li inti tħossok bniedem. Tqum filgħodu u tgħid ‘jien min jien?’ Jekk iqum Ingliż dak iż-żminijiet kien jgħid ‘jien Ingliż’, jara il-Union Jack iselmilha u jgħid ‘jien Ingliż’. U aħna kont tgħid ‘jien min jien?’
“Kellna poplu aħna nofsu maqsum jgħid ‘Viva l-Italja’, nofs l-ieħor kien jgħid ‘Viva l-Ingilterra’ u Alla jbierek ‘Viva Malta’ ħadd, ħadd. Ara llum ħadd ma jistħi jgħid li hu Malti, ara llum quddiemi ma narax ħlief bandieri Maltin, anke t-tfal, anke n-Nazzjonalisti, li dawn kienu l-ewwel mat-Taljani, imbagħad meta qatgħu qalbhom mat-Taljani marru mal-Ingliżi, issa saru Maltin u aħna kburin li anke n-Nazzjonalisti għamilnihom Maltin.”
Kemm ikun sewwa u xieraq li ma ninsewx imnejn tlaqna.