Sunday, December 29, 2024

JUM IL-ĦADDIEM… L-ISFIDI TAL-LUM

Aqra wkoll

Illum hu Jum il-Ħaddiem. Jum li din is-sena hu karatterizzat minn dak li għaddejjin minnu madwar id-dinja ewlenin fost dawn kunflitti madwar id-dinja u l-gwerra fl-Ukrajna. Ma’ dawn imma għandek il-kriżi umanitarja tar-refuġjati. Ta’ dawk li qed jaħarbu minn pajjiżhom. Min sab għajnuna imma oħrajn b’mod kontiwnu isibu qabarhom fil-baħar. Mhux biss, imma anke jintbagħtu lura wara li jkunu interċettati f’nofs ta’ baħar, u dan nemmnu li hu ksur tal-liġijiet internazzjonali. Lil hinn minn dan, id-dinja għandha ukoll l-isfida tal-bidla fil-klima, waqt li l-pandemija għalkemm jidher li qed tnaqqas is-saħħa tagħha, xorta waħda għadha magħna. 

Dan hu jum li llum il-politiċi madwar id-dinja donnhom m’għadhomx ituh aktar importanza. Taħseb ftit tifhem għaliex. Għax illum, m’għadux importanti l-ħaddiem imma s-suq sar importanti ferm u ferm aktar mill-ħaddiema. Illum kollox idur mas-suq. Nivvintaw il-prekarjat. Skjavitu. Kundizzjonijiet miżeri għall-ħaddiema. Aktar xogħol inqas paga. U dan kollox biex nakkomodaw lis-suq, li ma jfisser xejn ħlief aktar profitti.

Nemmnu li llum, konsegwenza ta’ dak li qed nesperjenzaw, dan il-jum sar aktar rilevanti. F’dan il-jum ma nistgħux ma nirringrazzjawx lil  ħaddiema madwar pajjiżna, li ħadmu mingħajr ħafna daqq ta’ trombi biex tingħeleb din l-imxija. F’jum bħal dan, irridu infakkru lil dawn il-ħaddiema. Ħaddiema f’xogħlijiet differenti imma li għamu xogħol importanti biex is-soċjetà tibqa’ għaddejja. Ibda minn dawk fl-isptarijiet, dawk li jnaddfu u ħafna oħrajn.  Fix-xhur li għaddew il-poplu fehem aktar minn qatt qabel kemm huma importanti dawn il-ħaddiema. Xi wħud minnhom imħallsin b’pagi baxxi u b’kundizzjonijiet mhux daqstant tajbin.

Għal ħafna snin din il-ġurnata baqgħet tiġi mfakkra minn gruppi u partiti tax-xellug. Kienet opportunità biex wieħed jitlob għal tibdil fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, għal pagi aħjar u għal iktar drittijiet.

Illum il-problemi fis-suq tax-xogħol huma differenti minn dawk li kienu snin ilu, meta beda jiġi ċċelebrat dan il-jum. Illum fuq is-suq tax-xogħol hemm pressjonijiet kbar  biex tinħoloq ekonomija aktar effiċjenti. Pressjonijiet fejn hawn min qed jipprova joħloq sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema jaħdem aktar u jibqa’ bl-istess paga jew jitħallas inqas. Qed jidħlu prattiċi ġodda, xi drabi imposti, li qed ikomplu jitfgħu pressjonijiet fuq l-istess ħaddiema.

Fl-aħħar snin f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja rajna żieda fil-prekarjat, il-qgħad fost iż-żgħażagħ f’xi pajjiżi hu għoli ħafna, l-inugwaljanzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, l-iżvantaġġi li jaffaċċjaw in-nisa li jiddeċiedu li jieqfu mix-xogħol għal perjodu biex jieħdu ħsieb il-familja, iż-żieda fil-fenomenu tal-underemployment u l-isfruttament tal-ħaddiema immigranti.  F’pajjiżna qed naraw il-fenomenu ġdid tal-couriers, fejn minkejja paroli u kliem biex ikunu organizzati sa issa għadhom settur li mhux organizzat bil-problemi kollha li dan iġib miegħu.  Meta se naraw li dawn il-ħaddiema jkollhom l-istess kundizzjonijiet bħal ħaddiema oħrajn? 

Għalhekk l-ewwel ta’ Mejju, hu opportunità biex titqajjem kuxjenza dwar dawn il-problemi u biex issir  pressjoni biex il-gvernijiet jieħdu azzjoni u jindirizzaw in-nuqqasijiet. 

Nemmnu li  kull xogħol, għandu d-dinjità tiegħu. Dan joffri lil kull individwu l-opportunità li jagħti sehem kemm għal ġid tal-familja tiegħu kif ukoll għas-soċjetà ta’ madwaru. Din l-istess dinjità ma tistax tiġi ssalvagwardjata jekk ma jkunx hemm rispett lejn kull tip ta’ xogħol. 

Ekonomija

Sport