Quote “Quddiem Alla għandna raġun. Issa sta għalina illi dan ir-raġun neħduh ukoll mingħand in-nies ta’ din id-dinja. Jekk inkunu ġwejfa aħna, jistħuna wliedna u wlied uliedna. Illum waslet is-siegħa meta kull Malti jrid bil-fatti juri, li Malta għalina tiġi l-ewwel u qabel kollox”.
Il-kisba tal-Ħelsien għall-poplu Malti kienet triq twila u iebsa. Imma kienet triq li wasslet għal ħafna riżultati u benefiċċji għall-poplu Malti kollu. Ma tistax titkellem fuq il-Ħelsien u ma titkellemx fuq il-Perit Mintoff. Fl-istorja ta’ Malta, Mintoff kien protagonista fi tliet avvenimenti storiċi kbar – it-28 t’April 1958, it-13 ta’ Diċembru 1974, u l-31 ta’ Marzu 1979.
Fl-1958 Mintoff kien qed jinsisti mal-gvern Ingliż li fir-relazzjoni bejn Malta u l-Ingilterra, il-Maltin irid ikollhom l-istess drittijiet f’Malta daqs iċ-ċittadini Ingliżi f’pajjiżhom. Jekk le, allura Malta tinfatam mill-Ingilterra u tibda taqdef għal rasha. Dan kien il-kunċett tal- “integration”. Numru ta’ rvellijiet inxterdu ma’ Malta kollha u waqfu l-operat kollu tal-gvern Ingliż. Nistgħu ngħidu
li dan kien il-bidu tal-Moviment Nazzjonali għall-Ħelsien.
Fl-1964 l-Ingliżi taw l-Indipendenza lil Malta imma żammew f’idejhom kważi l-poteri u l-privileġġi kollha li kellhom qabel. Mintoff qatt m’aċċetta din il-pożizzjoni u baqa’ jiġġieled għal ħelsien veru anke mill-oppożizzjoni. Il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-1971 u mill-ewwel beda jaħdem biex Malta ma tibqax isservi bħala bażi militari u ma tibqax tiddependi biss fuq l-Ingliżi għall-għixien.
Fit-13 ta’ Diċembru 1974 Mintoff irnexxielu jibdel il-Kostituzzjoni b’żewġ terzi fil-Parlament u Malta saret Repubblika. Inħatar l-ewwel President Malti u Mintoff sar l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta Repubblika. Imma għal Mintoff la l-Indipendenza u lanqas ir-Repubblika ma kien ikollhom ebda sinjifikat reali mingħajr il-ħelsien assolut. Għal Mintoff dan kien ifisser li Malta terġa’ tieħu lura mingħand l-Ingliżi dak kollu li kien ta’ Malta bi dritt. It-tragward finali kellu jkun il-Ħelsien assolut fejn Malta tieħu rajha f’idejha, mingħajr ebda indħil ta’ ħadd u mingħajr ebda obbligu lejn ħadd.
Il-Ħelsien veru għall-poplu Malti wasal fil-31 ta’ Marzu 1979 meta wara negozjati twal u iebsin Mintoff ġiegħel lill-forzi militari Ingliżi jitilqu minn Malta. Id-destin u l-futur ta’ Malta minn dakinhar beda jiddependi biss fuq il-ħiliet, ix-xogħol, is-sagrifiċċji, u l-bżulija tal-Maltin, b’relazzjonijiet tajba ma’ kulħadd, u mingħajr ebda dipendenza assoluta fuq ħadd. Dakinhar Malta ħadet ir-riedni f’idejha – politikament, ekonomikament, soċjalment, u finanzjarjament.
Politikalment, Mintoff beda jimraħ u jiftaħ relazzjonijiet ma’ ħafna pajjiżi ġodda. Relazzjonijiet li kellhom iwasslu għal kisbiet ekonomiċi b’benefiċċji kbar għall-poplu Malti. Beda relazzjonijiet mal-Libja, pajjiżi tal-Lvant, pajjiżi Nordiċi u pajjiżi tal-Gulf. Kien l-eww- el Prim Ministru mill-Punent li mar u beda relazzjonijiet maċ-Ċina. Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Ingilterra nbidlet minn waħda ta’ serv u ħakkiem, għal waħda ta’ sħubija fil-kummerċ, f’investimenti, u f’suq turistiku kbir. Minn relazzjoni waħda mal-Ingilterra, Mintoff fetaħ relazzjonijiet ġodda mal-pajjiżi kollha, kbar u żgħar, fl-Ewropa.
Mill-ewwel Mintoff beda jsemma’ leħen Malta fil-fora internazzjonali, mhux biss fl-interess ta’ Malta imma anke fl-interess tal-ġirien tagħna fil-Mediterran. Kien bl-insistenza tiegħu li fl- 1975, waqt laqgħa f’Helsinki tal-OSCE (Org for Security and Co-op in Europe), li ġie rikonoxxut illi ma jistax ikun hemm paċi fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. Bl-insistenza tiegħu ddaħħal Mediterranean Chapter li kien jirrifletti l-viżjoni li kellu għall-paċi fil-baħar tagħna.
Ekonomikament Malta kellha biss is-servizzi, it-tarzna, u numru żgħir ta’ negozjanti fil-kummerċ li kienu jimpurtaw kollox mill-Ingilterra. Malta kellha tibda kollox mill-bidu. Mix-xejn bdiet tinbena infrastruttura u nbdew ħafna proġetti li xi wħud minnhom għadhom jit- gawdew sal-lum – il-port ħieles, l-ajruport, oqsma industrijali, banek, KM, Seamalta, Enemalta, Telemalta u bosta oħrajn. Kiber it-turiżmu, żdied il-kummerċ, żiedet l-es- portazzjoni. Minflok Maltin jemigraw ’il barra bdejna naraw Maltin u barranin jiġu jaħdmu Malta. Dan il-miraklu ekonomiku sar minkejja l-ħafna tfixkil u tixwix biex ibeżża’ lill-ħaddiema, jaqta’ qalb il-gvern u jxekkel l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.
Soċjalment, Mintoff ried jaċċerta ruħu li l-ġid kollu jiġi mqassam u jilħaq il-poplu Malti kollu, mill-kbir saż-żgħir. Kieku ma kienx hawn dak il-ġid ekonomiku, ma kienx ikun possibbli li f’Malta jinbena l-Welfare State kif għadna ngawduh sal-lum. Welfare State li sal-lum għadu l-għira ta’ ħafna pajjiżi ikbar minna. Biżżejjed insemmu s-saħħa u l-edukazzjoni b’xejn għal kulħadd, l-introduzzjoni ta’ pensjonijiet, il-minimum wage; ic-children’s allowance, pensjonijiet lir-romol, għotja ta’ djar u plots, benefiċcji tal- mard, ġranet tal-leave u s-sick leave, u bosta affarijiet oħra. Ma’ dawn wieħed irid iżid it- tisħiħ tad-demokrazija bl-in- troduzzjoni tal-vot lin-nisa u liż-żgħażagh.
Finanzjarjament, ħadd ma kien joħlom il-miraklu li kien sar. Irridu niftakru li fl-1971, meta tela’ l-Partit Laburista fil-gvern, fil-kaxxa ta’ Malta lanqas biss kien hemm flus biex jitħallsu l-ħaddiema tal-gvern! Pajjiżna kien qed litteralment jgħum u jgħereq fi djun kbar. Barra li welled u kabbar ekonomija ġdida, barra li qassam dak il-ġid kollu lill-poplu Malti, Mintoff mhux talli ma kabbarx id-dejn imma ħalla warajh riżervi ta’ biljun lira Maltin, jew madwar żewġ biljun u nofs ewro tal-lum!
Dawn il-mirakli politiċi, ekonomiċi, soċjali, u finanzjarji ma sarux għax għandna xi riżorsi naturali. Saru bis-saħħa tal-ħaddiema u l-imprendituri Maltin, u fuq kollox bil-viżjoni, id-determinazzjoni, u t-tmexxija tal-Perit Mintoff.
Fi kliem Mintoff stess, “is-siegħa tal-prova waslet. Il-poplu Malti, li fl-imgħoddi tant iġġieled battalji ta’ ħaddieħor, issa wasal biex juri lid-dinja jekk veru kibirx u sar nazzjon. Biex ikun irrispettat minn popli oħra jrid juri li hu lest biex il-battalji għad-drittijiet tiegħu jiġġilidhom b’aktar qilla, b’sagrifiċċji akbar u b’rieda iktar soda milli fl-imgħoddi kien jiġġieled il-gwerer ta’ ħaddieħor. Quddiem Alla għandna raġun. Issa sta għalina illi dan ir-raġun neħduh ukoll mingħand in-nies ta’ din id-dinja. Jekk inkunu ġwejfa aħna, jistħuna wliedna u wlied uliedna. Illum waslet is-siegħa meta kull Malti jrid bil-fatti juri, li Malta għalina tiġi l-ewwel u qabel kollox.”

