Wednesday, July 24, 2024

JUM IL-ĦELSIEN

Aqra wkoll

Illum niċċelebraw Jum il-Ħelsien. Jum li fih pajjiżna ma baqax bażi militari. Hu l-jum li fih rajna it-tmiem tal-bażi militari, biex pajjiżna ma jibqax jintuża bħala fortizza militari f’nofs il-Mediterran. Dak kien l-ħelsien li Malta tant kellhom bżonn dakinhar.

Illum imma ma nitkellmux fuq bażi militari. Illum landas tgħaddilna minn rasna li nerġgħu inkunu bażi militari. Illum imma hemm bżonn nitkellmu fuq ħelsien ieħor li hemm bżonn għall-poplu.

Illum, pajjiżna għandu bżonn ħelsien ieħor. Ħelsien mill-preġudizzji li jeżistu fostna. Preġudizzji lejn persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Preġudizzji kontra l-barranin. Preġudizzji lejn min hu ta’ ġilda differenti minn tagħna, preġudizzji kontra min hu ta’ razza differenti minn tagħna jew ta’ reliġjon. Fuq kollox irridu ħelsien mill-estremiżmu li qed jikber fostna. Estremiżmu li forsi ġieli ninjorawh imma qiegħda magħna. Estremiżmu li ma jagħmel xejn ħlief li jirkeb fuq it-traġedji tal-vulnerabbli biex ibeżża sezzjonijiet tal-poplu.
Nemmnu li llum hemm bżonn li jkun hawn ħelsien mill-indifferenza għal dak li ma jirrigwardax lilna direttament. Kemm se ndumu ngħidu li “u iva dak mhux hawn ġara, mhux fl-Afrika dak”.

Nemmnu li r-razziżmu u l-antipatija li xi wħud minna għandhom lejn dawk li ma humiex Maltin llum m’hemmx postha. Ħasra li għandna politiċi jrewwħu il-preġudizzji b’għemjilhom u kliemhom. F’pajjiż modern u miftuħ għad-dinja, ma hemmx lok għar-razziżmu. L-iskambju kulturali li bbenefikat minnu Malta mad-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea saħħaħna u kabbarna bħala poplu. Illum diversi minn ħutna l-Maltin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Oħrajn rritornaw lura, mibdulin mill-esperjenza tagħhom f’pajjiż ieħor. Bl-istess mod, uħud minn ħutna l-Ewropej jgħixu fostna, jaħdmu magħna u jaqsmu ħajjithom magħna l-Maltin. Ma’ dawn imbagħad irridu nżidu dawk il-persuni minn pajjiżi terzi li għandhom permess li jistudjaw jew jaħdmu hawn Malta, u dawk il-persuni l-oħra li għandhom status ta’ refuġjati jew jibbenefikaw minn protezzjoni umanitarja.

Dan il-proċess ta’ migrazzjoni minn u lejn Malta ma bediex ilbieraħ. Bħala poplu ilna nemigraw lejn pajjiżi oħra u kważi kulħadd għandu qraba jgħixu l-Awstralja, l-Kanada, l-Istati Uniti jew xi pajjiż ieħor. Bħala Maltin, inkunu kuntenti għall-Maltin l-oħra li sabu posthom fis-soċjetà li marru jgħixu fiha u bir-raġun ninkorlaw jekk dawn il-Maltin kellhom ibatu minn xi diskriminazzjoni jew esklużjoni għall-ebda raġuni ħlief li huma Maltin jew agħar minħabba l-fattizzi tagħhom.

Nemmnu li dan l-istess proċess ta’ integrazzjoni importanti li jseħħ f’Malta issa li pajjiżna żviluppa tant kemm ekonomikament u kemm soċjalment, li sirna pajjiż ta’ immigrazzjoni minflok pajjiż ta’ emigrazzjoni. Integrazzjoni li taħdem tajjeb issawwar fl-immigranti sens ta’ appartenenza u r-rieda li jiffurmaw parti mis-soċjetà, u li jikkontribwixxu direttament għall-progress tagħha. L-integrazzjoni twassal ukoll għal aktar fehma bejn il-persuni differenti sal-punt li d-differenzi oriġinali isiru sekondarji u banali.

Nemmnu li pajjiżna irid jagħmel ferm aktar fuq l-integrazzjoni. Donnu nibżgħu nitkellmu fuqha ma jmurx nurtaw xi sezzjoni ta’ nies. Dan ukoll hu ħelsien li rridu li jseħħ.

Irridu ħelsien mill-indifferenza lejn ir-razziżmu. Irridu niġġieldu kull forma ta’ razziżmu u naħdmu sabiex tiżdied il-kuxjenza kontra din id-diskriminazzjoni. Irridu b’mod individwali u kollettiv nindirizzaw ir-razziżmu bħala inaċċettabbli f’kull kuntest fejn niltaqgħu miegħu. Irridu nżommu f’moħħna li meta nisseparaw b’mod riġidu bejn min jaqa’ fid-definizzjoni ta’ Malti u dik ta’ barrani inkunu qed nagħmlu ħsara lil diversi minn ħutna l-Maltin stess u l-familji tagħhom. Miż-żwiġijiet li jseħħu f’Malta li jirrigwardaw tal-anqas persuna waħda ta’ nazzjonalità Maltija, madwar ħmistax fil-mija minnhom huma ma presumi mhux Maltin.

F’Malta li wriet tant volontà sabiex tinbidel u tabbraċċja ż-żminijiet fil-qasam tal-antidiskriminazzjoni; f’Malta fejn għamilna tant avvanzi f’dawn l-aħħar snin, ċertament nistgħu inkomplu navvanzaw sabiex noffru futur diċenti lil kull wieħed u waħda minna, fejn kull persuna tkun taf li l-kontribut tagħha fis-soċjetà Maltija apprezzat, irrispettivament minn min hi, xi twemmin tħaddan jew kwalunkwe karatteristika oħra. Malta miftuħa għad-dinja u li ma tibżax mill-progress.

Ekonomija

Sport