Monday, December 9, 2024

Jum il-Mara huwa jum li fih nirriflettu fuq l-esperjenza komuni

Aqra wkoll

Hekk kif proprju llum it-8 ta’ Marzu qed niċċelebraw Jum il-Mara, dan il-ġurnal ħasb li jitkellem ma’ diversi nisa ġejjin minn kull strata tas-soċjetà dwar x’jaħsbu fuq Jum il-Mara u jekk iħossux li għandna nibqgħu niċċelebraw dan il-jum.

ONOR. DAVINA SAMMUT HILI

Jum il-Mara hija ġurnata li nkomplu nfakkru il-kisbiet li saru u qegħdin ikomplu jsiru fil-ħajja ta’ kuljum. Nemmen li l-mara sa issa dejjem kienet żvantaġġata speċjalment f’kummenti ta’ sessiżmu u kummenti dispreġjattivi.

Filwaqt li ħafna jieħdu ‘for granted’ li raġel jista’ jasal b’mod awtomatiku, mara dejjem donna trid kif jgħidu l-Ingliżi ‘she proves herself’. Filwaqt li nerġa’ nisħaq li sar kambjament u sar hafna xogħol, nibqa’ nemmen li sakemm in-nisa u l-irġiel għadhom mhumiex fl-istess livell u qabel verament ma jinstab bilanċ bejn iż-żewġ sessi, iva, għandna nibqgħu niċċelebraw Jum il-Mara!

CLAUDETTE ABELA BALDACCHINO

Jum il-Mara mhuwiex jum ta’ ċelebrazzjoni għalija imma jum li fih nirriflettu fuq l-esperjenza komuni tagħna n-nisa u nindirizzaw dak li mhux sew. Irrispettivament minn liema parti tad-dinja ġejjin, in-nisa jafu li mhumiex meqjusa daqs l-irġiel.

Dawn id-diffikultajiet partikolari qegħdin fuqna għall-ebda raġuni, ħlief li aħna nisa, inkluż diskriminazzjoni u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Aħna n-nisa għandna storja u diġà għelibna ostakli kbar.

Jum il-Mara għaldaqstant ifakkarna wkoll fir-reżiljenza tagħna n-nisa u li għandna bżonn naħdmu aktar flimkien biex niksbu ugwaljanza effettiva u sħiħa. L-ebda mara ma hi ħielsa sakemm m’aħniex ilkoll ħielsa. Għalhekk, ejja inkomplu nappoġġjaw lil xulxin, naffrontaw l-isfidi, u naqsmu flimkien l-istejjer ta’ suċċess.

Illum għandna ħafna għodda f’idejna grazzi għal-liġijiet u s-servizzi li introduċejna. Addizzjonalment, nisa bħal Agatha Barbara, Marie Louise Coleiro Preca, Myriam Spiteri Debono u Helena Dalli jispirawni bil-personalità differenti tagħhom, imma wkoll bil-mod li bih dejjem imxew mal-prinċipju komuni li jgħaqqadna – dak tal-ġustizzja soċjali u li jien tant nemmen fih.

Biex il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali jkun implementat b’mod korrett irridu niżguraw li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd. L-anqas ma nistgħu nippermettu ħsara lil pajjiżna għax kull ħsara fi Brussell hija ħsara għall-familji Maltin u Għawdxin, partikolarment għan-nisa u dawk fir-riskju ta’ faqar.

Meta kont Membru tal-Parlament Ewropew rajt lil ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista jagħmlu ħsara kemm jifilħu kontra Malta. Waqaftilhom dakinhar, u nerġa’ niqfilhom illum!

NORMA SALIBA

Jum il-Mara għandu jitfakkar mhux biss biex jintlaħaq bilanċ numeriku bejn in-nisa u l-irġiel f’karigi pubbliċi u pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

Huwa jum li għandu juri l-importanza tal-involviment tan-nisa fis-soċjetà u l-ħajja pubblika, li kapaċi jidentifikaw soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, kulturali u edukattivi fost l-oħrajn.

Il-kisbiet li qed jagħmlu n-nisa għandhom jiġu rikonoxxuti mhux biss f’Jum il-Mara, iżda matul is-sena kollha. Inħeġġeġ iktar nisa jidħlu għal karigi u responsabilitajiet biex jinfluwenzaw bidla fil-mentalità u biex isir iktar progress f’pajjiżna.

Deċiżjonijiet li qed jittieħdu min-nisa b’karigi għolja fis-settur pubbliku u privat jistgħu jagħmlu differenza f’ħajjitna llum u fiż-żmien li ġej.

IRA LOSCO

“Nemmen li saru avvanzi kbar fejn għandu x’jaqsam il-mara fid-dinja tax-xogħol għalkemm f’ċerti pajjiżi għad hawn diskriminazzjoni kontra l-mara li għadha ma ħaditx dik l-ugwaljanza li tant hi dritt tagħha. Ġurnata bħal din hi importanti għax iqajjem għarfien dwar kemm il-mara għandha rwol importanti fis-soċjeta’ kif ukoll kemm is-sehem tagħha fid-dinja tax-xogħol hu importanti.”

SHASHA FABRI

Jien bniedma li nħobb nagħti sapport lill-mara. Ma nqisx ruħi bħala femminista iżda nemmen li l-mara għandha tiġi ċċelebrata dejjem mhux f’Jum il-Mara biss. Nixtieq niftakar ukoll f’dawk in-nisa li ġew maqtula madwar id-dinja forsi mill-eks maħbub tagħhom għax dawn batew mhux ftit.

Nirringrazzja lil ħanin Alla li jien twelidt f’Malta għax f’pajjiżna għandna liġijiet favur il-mara fejn għandna drittijiet bil-vuċi tagħna li dejjem tingħata importanza. Ovvjament dejjem teżisti l-eċċezzjoni u min ma jeżerċitax dawn id-drittijiet, għandu jkun hemm infurzar fil-liġi għax kulħadd għandu jiġi kkunsidrat bl-istess mod.”

Inħoss li l-mara għamlet avvanzi kbar f’dawn l-aħħar snin u mxiet fid-dinja tax-xogħol għax hi kapaċi u reżiljenti. Sfortunatament hawn ċerti pajjiżi li l-mara ma sabitx id-drittijiet tagħha fejn riċentement kellha d-dritt tal-vot u anke li ssuq. Intenni li nirringrazzja lill-Mulej Alla li jien twelidt hawnhekk għax kieku ma nafx x’kont nagħmel!”

CATHERINE MICALLEF

F’dan il-jum, infakkru lill-mara u s-suċċessi li kisbet u li għamlet tul dawn is-snin. Ovvjament il-ġurnata tat-8 ta’ Marzu għandha tibqa’ tiġi mfakkra proprju għal dawn is-suċċessi li nkisbu bil-ħila u b’ħafna paċenzja u perseveranza. Dan kollu hu veru għax il-mara kapaċi tlaħħaq sew max-xogħol, mal-familja u ma’ miljun elf ħaġa’oħra.”

DORIANNE CARUANA BONNICI

Għalkemm jgħidu li Jum il-Mara hu kuljum, madankollu sabiħ li jkun hemm ġurnata ta’ apprezzament għal dak li l-mara tagħmel għall-familja tagħha u għas-soċjeta’ inġenerali. Il-mara għandha rwol kbir fis-soċjeta’ għax hi individwu bħal ħaddieħor iżda li naraha bħala persuna b’saħħitha li tissapporti ħafna u xi kultant in-nies joħduha kif jgħidu l-Ingliżi for granted. U għalhekk importanti li l-mara tkun rilassata mentalment għax b’hekk tkun tista’ timxi iktar mal-affarijiet u tagħti kontribut massimu lis-soċjeta’.”

Ħafna jagħtuha r-rispett li jixirqilha iżda hemm oħrajn li bħal qisu ftit jagħtu kas tas-sagrifiċċji li tagħmel. Għalhekk il-mara trid tieħu ħsieb tagħha nnifisha u fejn hemm bżonn tieħu dawk il-mumenti biex issib lilha nnifisha, dan kollu jgħin sabiex hi tkopri bl-aħjar mod ir-rwol tagħha.”

MELANIE KELLY

Personalment ma tantx nagħti daqshekk kas b’din il-ġurnata għax dejjem għaddejja u nkun okkupata ħafna. Issa meta int saqsejtni jekk verament għandnix niċċelebraw din il-ġurnata jew le, hemm parti minni li taqbel u hemm parti oħra li ma taqbilx. Nemmen li kull mara għandha tiġi ċċelebrata kuljum u m’għandux ikun Jum il-Mara sabiex nagħtuha rikonoxximent. Ma naħsibx li għandu jkun biss f’Jum il-Mara biex lill-ommna, lis-sieħba tagħna jew lill-ħabiba tagħna ngħidulha INĦOBBOK jew GRAZZI ta’ dak li tagħmel. Nemmen li n-nisa għandhom jiġu rikonoxxuti dejjem u mhux f’ġurnata partikolari biss.”

CELINE AGIUS

Nemmen li Jum il-Mara hi ġurnata li għadha valida sal-ġurnata mqaddsa tal-lum. Hu importanti li nibqgħu niċċelebrawh għalkemm il-kelma niċċelebrawh mhux it-terminu t-tajjeb qisna qed nieħu pjaċir f’xi festa. Iktar nuża’ l-kelma nfakkru Jum il-Mara għax tajjeb li wieħed jiftakar f’ommu, is-sieħba tiegħu jew tagħha kif ukoll il-ħbieb femminili.”

Nemmen li l-mara għandha tkun eroj tagħha nnifisha fis-sens li jkollha l-indipendenza finanzjarja tagħha, li jkollha karriera kif ukoll ma tistieħ fuq ħadd la finanzjarjament u lanqas b’xi tip ta’ dipendenza.”

Sfortunatament għadna naraw sitwazzjonijiet fejn ir-raġel jiddetta lill-mara x’għandha tagħmel, fuq il-karriera tagħha u anke jekk tibqax id-dar issefter. Jien xejn ma togħġobni din il-kelma ssefter għax nemmen li kulħadd kapaċi juża’ l-kuker jew jaħsel il-ħwejjeġ u għalhekk kulħadd għandu jagħti daqqa t’id.”

LYNDSAY PACE

Jiena nemmen li Jum il Mara għandu jiġi ċċelebrat mhux f’ġurnata biss iżda fil-ħajja ta’ kuljum biex kemm jista’ jkun nagħrfu l-importanza tan-nisa sew fuq il- post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali. Mela ejjew ningħaqdu flimkien bħala komunitá waħda u nagħtu sapport lil xulxin!

JANICE BARTOLO

Punt li nemmen li għandu jiġi diskuss f’Jum il-Mara huwa dak kummerċjali. Kampanji ta’ pubbliċità jimmiraw lejn in-nisa, bl-assunzjoni li l-mara hija dik li tonfoq l-aktar fil-familja: dik li tixtri l-ikel, prodotti ta’ tindif, u tieħu ħsieb it-tfal. Fl-istess ħin, kostantement naraw riklami li jistennew li nidhru perfetti minn rasna sa saqajna. Is-soċjetà kummerċjali qed idaħħlilna f’moħħna l-bżonn li kemm aħna, kif ukoll darna jkunu impekkabbli 24/7, minkejja li rridu niġġestixxu ħajjitna bħala ommijiet u bħala professjonisti. Inħoss li l-aspettattivi eżaġerati u dawk maħluqa purament biex jippromwovu l-bejgħ qed jiddeterjoraw is-saħħa mentali ta’ ħafna nisa, u jaffetwa l-mod kif jiġġestixxu flushom. Għalhekk iva, għad hawn bżonnu jum il-mara, biex inqajmu kuxjenza fuq suġġetti bħal dawn.

JANET DEBRINCAT

Kull sena insaqsi lili nnifsi jekk għadx hemm il-bżonn li niċċelebraw Jum il-Mara? Ir-risposta dejjem tkun l-istess Iva u r-raġuni hija waħda sempliċi. Minkejja l-inizjattivi f’kull qasam tal-ħajja biex ma jkunx hemm iżjed distinzjoni bejn is-sessi, għalkemm ir-realtá għadha ‘l bogħod minn dan il-prinċipju. In-nisa dejjem iridu jagħmlu pass akbar biex jaslu u jiġu apprezzatti għall-kwalitajiet tagħhom bħala individwu. Għadna naraw żbilanc sfaċċat fuq il-postijiet tax-xogħol, kif ukoll fit-tmexxija tal-familja u rwoli tal-ġenituri f’dan ir-rigward. Għalhekk sakemm jasal dak il-jum fejn kulħadd iħares lejn kulħadd bħala persuna u mhux marbut mas-sess tiegħu għandu jibqa’ ċċelebrat dan il-jum jekk xejn b’rispett lejn in-nisa tal-passat li tant issagrifikaw ruħhom biex wasalna sa fejn qegħdin illum. Nawgura l-Jum it-Tajjeb lin-nisa kollha speċjalment lin-nisa li jagħmlu parti minn ħajti!

SHAILEY MICALLEF

Bħala żagħżugħa, Jum il-Mara għandu sinjifikat personali għalija għaliex iservi bħala tfakkira tat-trijonfi tan-nisa tul l-istorja. Huwa jum li jonora l-kisbiet, ir-resilienza, u l-kontribuzzjonijiet tan-nisa fl-aspetti kollha tal-ħajja, minn sferi soċjali, ekonomiċi, politiċi, sa kulturali. Li Niċċelebraw Jum il-Mara hija essenzjali ghaliex titfa l-attenzjoni fuq il-ġlieda kontinwa għall-ugwaljanza bejn is-sessi, tenfasizza l-ħtieġa ta’ għoti ta’ setgħa, u tinkoraġġixxi azzjoni kollettiva lejn soċjetà aktar inklużiva. Huwa żmien li nirriflettu fuq il-progress li sar, nirrikonoxxu l-isfidi li għadhom jeżistu, u nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna għall-avvanz tad-drittijiet u l-opportunitajiet tan-nisa.

LUCIENNE GUSMAN

Bħala omm, Jum il-Mara hija gurnata importanti għalija ghaliex tirraprezenta ċelebrazzjoni tas-saħħa, ir-reżiljenza u l-kisbiet tan-nisa, inklużi l-ommijiet, li għandhom rwol ċentrali fil-ġenerazzjoni tal-futur. Hija ġurnata biex nirriflettu fuq l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa, kemm storikament kif ukoll fi żminijiet kontemporanji, u biex nirrikonoxxu s-sagrifiċċji li saru fit-tfittxija tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġustizzja. Li niċċelebraw Jum il-Mara mhix biss importanti iżda meħtieġa hekk ghax tipprovdi opportunità biex jitrawmu valuri ta’ ugwaljanza, rispett, u setgħa fuq it-tfal tagħna, irrispettivament mis-sess. Huwa żmien li nispiraw lill-ġenerazzjonijiet futuri biex ikissru l-ostakli, jisfidaw l-isterjotipi, u jistinkaw għal dinja fejn kull mara u omm tkun stmata, rispettata, u tingħata opportunitajiet indaqs biex tirnexxi.

JOANNE CASSAR

Iva, li tiċċelebra Jum il-Mara huwa importanti peressli dan il-jum jenfasizza l-kisbiet, iqajjem kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, u jinkoraġġixxi sforzi kontinwi għad-drittijiet tan-nisa. Huwa importanti għalija għaliex il-promozzjoni tal-inklussività u r-rikonoxximent ta’ kontribuzzjonijiet diversi huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi.

ANNALISE CASSAR

Personalment, Jum il-Mara, għalija hu jum bħall-ohrajn. Imma tajjeb li niċċelebraw Jum il-Mara u niftakru u nagħtu ġieħ lil dawk n-nisa kollha li għamlu differenza fil-ħajja tal-mara matul iż-żminijiet. Sabiħ li kuljum niċċelebraw il-mara li hija tant strumentali fil-progress tas-soċjetá ta’ madwarna u nkomplu naħdmu għax baqgħalna iżjed x’nagħmlu biex inkomplu nkissru l-barrieri għall-ugwaljanza vera bejn is-sessi.

CLAUDIA CALLEJA

Jum il-Mara, ifakkarna fil-perspettivi uniċi , u l-kontribuzzjonijiet tan-nisa kollha minn kull aspett, u jinkoraġġixxi lil kulħadd li dan jiġi rrispettat. Bħala mara nħoss li iva għandna nibqgħu niċċelebraw dan il-jum u ma ninsewx l- importanza li nieħdu ħsieb tagħna nfusna. Eżercizzju kuljum jgħinna mentalment u fiżikament u b’dan il-mod, kull mara tibbrilla f’kull rwol .

VICKY LICARI

Għalija Jum il-Mara jfisser li mhux dejjem kienet teżisti l-ugwaljanza tal-ġeneru u grazzi għall-moviment li kien jeżisti ħafna snin ilu, inbidlu ħafna affarijiet li forsi għaż-żmien tal-lum neħduha ovvja. Iva naqbel li għadha relevanti din il- ġurnata għax fadal x’isir biex ikun hawn aktar ugwaljaza bejn is-sessi. Għandna niċċelebraw il-vera raġuni peró ta’ din il-ġurnata u mhux li nikkummerċjalizzawha bħal ħafna aktar festi, tant li jintilef il-vera valur tagħhom.

ANGELA AGIUS

Sinċerament għalija Jum il-Mara hija ġurnata bħall-oħrajn peró niftakru li fil- passat in-nisa ma kinux emanċipati kif inhuma llum. Sabiħ li niċċelebraw lin-nisa kollha, fid-diversitajiet tagħhom. Kien hemm żmien meta lanqas drittijiet ma kellhom. Illum rebħu fil-ġlieda għad-dritt tal-vot, għandhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni, u għandhom pożizzjonijiet ta’ tmexxija fil-politika, li jirrappreżentaw is-saħħa u l-poter. Però ma ninsewx li minbarra dan kollu, in-nisa jkomplu jiffaċċjaw ostakli sinifikanti. Sabiħ li nfakkru lil dawk li ġew qabilna, u wassluna fejn qegħdin illum! Li ngħożżu lil dawk li qegħdin ħdejna issa, u lil dawk in-nisa ta’ għada biex ikomplu jaħdmu għall-kisbiet, kemm soċjali, politiċi, ekonomiċi jew kulturali.

MANDY MASSA DIAS

Jum il-Mara hija okkażjoni globali fejn niċċelebraw il-progress li sar fejn jidħlu drittijiet ugwali u s-suċċess li kisbu n-nisa fid-dinja tax-xogħol imma hi ġurnata fejn irridu niftakru wkoll li għad fadal ħafna xi jsir fejn tidħol il-vjolenza fuq in-nisa. Sfortunatament il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet għadha waħda mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem l-aktar prevalenti fid-dinja.

MELANIE ABELA

Għalkemm għalija ġurnata xogħol bħall-ġranet oħra, Jum il-Mara għandu jiġi ċċelebrat għax għandna niftakru li sfortunatament mhux f’kull pajjiz il-mara għandha l-istess opportunitajiet jew drittijiet li għandu jew daqs is-sess oppost, peró, għandna wkoll niftakru f’dawk in-nisa li rnexxielhom jegħlbu kull ostaklu biex jilħqu fejn huma llum. Vera nixtieq li xi darba jiġi żmien li nieqfu ngħidu “għax jien mara” jew “għax jien raġel”!

TIZIANA CALLEJA

Jum il-Mara huwa jum fejn wieħed jirrifletti ftit fuq il-ħidma li llum il-ġurnata tagħmel il-mara u kemm tista’ tkun produttiva. Inħarsu lura u naraw l-istorja tal-mara f’pajjiżna. Il-mara m’għadhiex dik li kienet qabel. Għandha leħen u tieħu deċiżjonijiet importanti. Tqassam il-ħin u tkun hemm għall-familja. M’huwiex jum ta’ ċelebrazzjoni, imma jum fejn wieħed jaħseb u jfakkar kemm il-mara hija tabilħaqq importanti fis-soċjetá ta’ madwarna.

RITALIN CASSAR

Jum il-Mara ifisser ħafna għalija għax fit-8 ta’ Marzu sirt omm għall-ewwel darba (apparti li huwa l-birthday ta’ missieri wkoll). Iva nemmen li għandu jibqa’ jigi ċċelebrat għax jagħti apprezzament u ġieħ lix-xogħol kollu li jagħmlu n-nisa fis-soċjetá … b’hekk jagħti preġju lill-mara fis-soċjetá lil hinn mill-vjolenza u l-abbuż.

JOANNA CAMILLERI

Il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, jonora l-kisbiet u l-kontribuzzjonijiet tan-nisa madwar id-dinja. Hija wkoll ġurnata speċjali fejn fiha nippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u tqajjem kuxjenza dwar l-isfidi li jiffaċċjaw in-nisa u għadhom jiffaċjaw in-nisa madwar id-dinja kollha f’setturi varji. Bla dubju li għandna nibqgħu niċċelebraw Jum il-Mara ħalli nkomplu nsaħħu s-saħħa tal-mara f’diversi oqsma.

VERONICA FARRUGIA

Jum il-Mara jfisser li għalkemm qegħdin fis-sena 2024, għad baqa’ ħafna nisa fid-dinja jbatu minn diskriminazzjoni. Għandna nibqgħu niċċelebraw dan il-jum biex il-mara tibqa’ miexja ‘l quddiem u tiftakar ukoll li għandha ħafna dmirijiet x’taqdi fis-soċjetá.

LEANNE CUTAJAR

Jum Il-Mara għalija jfisser li niftakru f’dawk in-nisa li ġġieldu għad-drittijiet tagħna matul is-snin u anke dawk li tilfu ħajjithom waqt din il-ġlieda. Nemmen illi biex l-mara tibqa’ rrispettata fis-soċjetá, m’hemmx bżonn ta’ ġurnata ddedikata għaliha. Ir-rispett u l-valur tal-mara għandu jkun dejjem … speċjalment bejn in-nisa stess!

ANTONIA MICALLEF

Ikollna nibqgħu nfakkru Jum il-Mara għaliex fadal ħafna biex nilħqu l-verA ugwaljanza bejn is-sessi. Ma nużax il-kelma niċċelebraw għaliex m’hemmx x’niċċelebra meta jien bħala mara, m’inix meqjusa ugwali għal raġel!

AMANDA VELLA

Għalija Jum il-Mara jfisser ħafna għax il-mara sar għandha drittijiet daqs ir-raġel f’kull aspett. Il-mara Il Lum Il gurnata mhux talli ħarġet taħdem talli trid tmur id-dar u tkompli taħdem hemmhekk ukoll. Qabel il-mara kienet toqgħod id-dar u tagħmel xogħol tad-dar biss. Illum ħafna nisa ħarġu jaħdmu u laħqu livelli għoljin fuq il-postijiet tax-xogħol. Għalija, Jum il-Mara għandna nkomplu niċċelebrawh u nkomplu nħeġġu lin-nisa biex fil-ħajja tagħhom ikunu indipendenti.

NADINE AXISA

Iva, nemmen li għandna nibqgħu niċċelebraw Jum il-Mara. Primarjament, biex infakkru lilna nfusna kemm hi importanti f’kull livell tas-soċjetà, u kemm ir-rwoli li taqdi huma neċessarji.

CHRISTINE BORG

Bħala mara ma naħsibx li għandi bżonn ġurnata speċifika biex niċċelebra li tkun mara. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa għandhom jiċċelebraw lilhom infushom kuljum għax huma l-esseri speċjali li huma. Li hu aktar importanti huwa li n-nisa għandhom jappoġġjaw lil xulxin u japprezzaw il-ħiliet ta’ xulxin u mhux jiġġudikaw lil xulxin.

CLAUDINE MUSCAT

Jum il-Mara jġib sensazzjoni diversa. Ħafna drabi dan il-jum huwa assoċjat mas-suġġett tal-ugwaljanza abbażi tal-ġeneru. Għalija personali, li studjajt il-kamp tax-xjenza, ma nistax ma nirriflettix fuq is-suċċess li n-nisa kisbu f’qasam li hu normalment attribwit mal-ġeneru maskili.

Dawn is-suċċessi kienu elementi importanti fl-avvanz tal-mara b’apprezzament aktar lejn il-ħiliet tagħha. Għalhekk, għalija dan il-jum ifisser ċelebrazzjoni tal-persuna lil hinn minn preġudizzji.

Inħoss li għandna nibqgħu nirrikonoxxu l-emanċipazzjoni tal-mara permezz ta’ dan il-jum sabiex napprezzaw il-progress li sar, inkomplu nirriflettu u nħarsu ‘il quddiem. Iżda nemmen bis-sħiħ li l-pass kruċjali li jmiss huwa tabilħaqq li jinbidel in-natura tad-diskors.

Peressli qed niċċentralizzaw it-taħdita tagħna fuq in-nisa, qed naċċettaw li huma inqas mill-irġiel. Meta tqabbel in-nisa mal-irġiel, il-figura maskili se tkompli tinħass aktar dominanti.

Bl-attribuzzjoni tal-karatteristiċi skont il-ġeneru, qed naċċettaw li l-irġiel u n-nisa huma naturalment distintivi u għalhekk isaħħu l-inugwaljanza. B’hekk għandna nirrikonoxxu s-suċċessi u l-isfidi komuni sabiex nitgħallmu aktar nindirizzaw is-suġġett tal-ugwaljanza.

ISABELLE PISANI

Jien nemmen li għalkemm il-mara għamlet kisbiet kbar matul is-snin, inħoss li għad jonqosha biex tevolvi u tingħata d-dinjitá li jixirqilha. Fis-socjetá tal-lum, għad hawn postijiet tax-xogħol fejn il-mara għadha tiġi diskriminata. Nemmen li l-Jum Internazzjonali tal-Mara għandu jingħata iktar prominenza u fih niċċelebraw il-mixja tal-evolviment tal-mara fis-socjetá ta’ madwarna.

AMANDA SCHEMBRI MUSCAT

Naqbel li niċċelebraw il-kapaċitajiet differenti u distinti li għandha mara li jagħmluha unika. Naqbel li għandna napprezzaw id-drabi li n-nisa jinsew lilhom infushom sabiex jipprovdu għal ħaddieħor. 

PAMELA SCHEMBRI

Inħoss li permezz ta’ dan il-jum, infakkru l-kisbiet li għamlu n-nisa tul is-snin u dak li għad fadlilna niksbu. Jgħinna nirriflettu fuq dak li għadu għaddej fid-dinja, u anke f’pajjiżna, fejn jidħlu drittijiet fuq bażi ta’ ġeneru. Għalkemm personalment ngħatajt ħafna opportunitajiet anke f’niċeċ li kienu dominanti mill-irġiel fosthom il-futbol xorta nħoss li għad hemm ħafna xi jsir u mentalitajiet li jridu jinbidlu biex verament ikollna l-ugwaljanza.

JOANNE CAUCHI

Jum il-Mara huwa jum fejn niċċelebraw id-dritijjiet tal-mara, l-ugwaljanza tal- ġeneri u l-poter ta’ kull mara madwar id-dinja. Għalija hija ġurnata bħall-oħrajn … li nagħmel is-soltu nagħmlu llum ukoll! Kieku jkolli ngħaddi messaġġ, ngħid li għandna nirrispettaw lil kull mara minn kull parti tad-dinja!

Ekonomija

Sport