Sunday, December 22, 2024

Jum il-Mara… ilbieraħ, illum u għada

Aqra wkoll

F’dan l-aħħar diċenju pajjiżna għamel avvanzi kbar f’kull settur tal-ħajja. Mexa ‘il quddiem ekonomikament, soċjalment u politikament filwaqt li kompla jibni fuq it-tajjeb kollu li sar fis-snin ta’ qabel. Pajjiżna, illum għandu ekonomija reżiljenti, inċentiva ħafna l-qasam soċjali u wettaq bosta riformi li politikament ftit li xejn konna niobsru li jistgħu jitwettqu. Ingħataw ukoll drittijiet u libertjiet ġodda li wħud minnhom saħħew l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà, mhux l-inqas fid-dinja tax-xogħol.

Sa ftit snin ilu, Jum il-Mara f’pajjiżna kien jissimbolizza l-inugwaljanzi u disparitajiet bejn is-sessi kważi f’kull qasam tal-ħajja. In-nisa kienu meqjusa bħala oġġett li jrid jibqa’ fejn jitpoġġa bla ma jitħarrek. Is-soċjetà Maltija, fil-kultura u mentalita tagħha, kienet wisq patrijarkali u sehem il-mara kien iwassal biss li tieħu ħsieb id-dar, tipproduċi t-tfal u tieħu ħsiebhom sa ma jikbru. Kollox u kull deċiżjoni kien jiddependu fuq ir-raġel. Snin ilu, pajjiżna ma kienx jitlaqat mill-mixja tal-progress li kien iseħħ f’pajjiżi oħra, partikolarment fil-pajjiżi tal-Ewropa, anki dawk qrib tagħna.

Iż-żminijiet izda jinbidlu u magħhom, aktarx iva milli le, jibdlu wkoll il-mentalita ta’ poplu. Ir-rwol tan-nisa f’pajjiżna beda jingħġata iktar importanza u għarfien. Pajjiżna għaraf li n-nisa għandhom l-istess ħiliet tal-irġiel u kapaċi jibnu karriera daqskemm huma kapaċi l-irġiel.

Għalhekk illum, Jum il-Mara huwa iktar ċelebrazzjoni tal-mixja ‘l quddiem u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà li ssawwar lil dan il-poplu. Issa sta għal kull mara biex tfittex drittijietha u li taħtaf kull opportunita li tiġi quddiemha biex tkompli ssaħħaħ is-sehem tagħha fis-soċjeta mhux l-inqas fuq il-post tax-xogħol fejn taħdem ta’ kuljum.

Għad jonqos xi jsir biex tintlaħaq ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi mhux biss f’dawk li huma drittijiet ċivili imma wkoll drittijiet f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn in-nisa għadhom ikunu sfruttati fil-ħlas tal-paga u fl-opportunitajiet ta’ promozzjoni lejn karigi ogħla.

Il-GWU kienet minn tal-ewwel, jekk mhux l-ewwel organizzazzjoni f’Malta li snin ilu bdiet tħallas pagi indaqs lill-impjegati rġiel u nisa tagħha. Għalkemm ħafna snin wara, dan għandu jservi ta’ eżempju lil dawk il-postijiet tax-xogħol fejn l-isfruttament tan-nisa għadu persistenti.

Ekonomija

Sport