Sunday, December 22, 2024

JUM IL-MARA LI TAGĦTI D-DAWL T’GĦAJNEJHA GĦAS-SUĊĊESSI TA’ WLIEDHA

Aqra wkoll

Forsi waħda mill-ewwel kelmiet li llissnu bħala trabi tkun il-kelma ‘ma’. L-omm forsi nistgħu ngħidu li hija dik il-persuna l-aktar assoċjata mat-trobbija tal-ulied sa mill-bidu tal-proċess ta’ ħajjitna. M’aħniex qegħdin ngħidu dan biex nonqsu b’xi mod lil dawk il-missirijiet li jagħmlu minn kollox biex b’xi mod jimlew dan ir-rwol li f’familja tradizzjonali kien mimli mill-omm.

Nemmnu li hija ħasra li fuq il-kalendarju hija biss ġurnata waħda li timmarka din il-ġurnata speċjali. L-omm li għaliha kull jum tas-sena, għal 365 ġurnata fis-sena, tagħmel minn kollox biex uliedha kemm jista’ jkun ikollhom l-aħjar trobbija u l-ispalla li hemm bżonn biex dawn ikomplu jikbru biex jaslu jaffaċċjaw kull sfida li kapaċi toffri l-ħajja ta’ adult.

M’aħniex qegħdin nirreferu għal iżjed ġranet f’dinja materjalista fejn bukkett fjuri jew xi rigali oħra jippruvaw jagħmlu tajjeb għall-bqija tal-ġranet li fihom ħafna jonqsu mhux ftit milli jirrispettaw lil ommhom li tant lesta tagħmel sagrifiċċji biex tikkuntentahom. Lil hinn minn hekk. L-ebda omm mhi se tħallat l-apprezzament ta’ dak li tagħmel ma’ wliedha ma’ kwalunkwe ħaġa materjali fid-dinja, tkun xi tkun il-ħaġa.

Jiġuna f’moħħna dawk il-ġenituri li qegħdin jispiċċaw quddiem il-qrati tagħna minħabba li saħansitra jaslu biex ikunu vjolenti ma’ dik il-mara, l-istess mara li lesta tagħtihom il-mimmi t’għajnejha biex jimxu fit-triq it-tajba. Irrappurtajna ftit tal-ġimgħat ilu każ ta’ minorenni li b’mod mill-aktar vjolenti ħebbet għal ommha u għal oħtha. U minflok il-vendetta, l-omm, qalb uġigħ ta’ id miksura, infexxet tibki mas-sentenza li bintha kienet se tkun qiegħda tagħmel perjodu ta’ riabilitazzjoni fil-faċilità korrettiva tal-YOURS (Young Persons Offenders Unit) fl-Imtaħleb.

Iżda l-ħajja mhijiex biss mumenti ta’ swied il-qalb. Infakkru għalhekk bi mħabba lil dawk l-ommijiet kollha bi tfal bi bżonnijiet speċjali li qalb kull sfida u anke forsi stigma, matul is-sena joħorġu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar kemm iħossuhom ixxurtjati li żammew it-tqala u llum jgħixu l-imħabba bla qies li qatt ma kienu jimmaġinaw li jgħixu. Jiġuna f’moħħna dawk l-ommijiet kollha – li minkejja li wara li kellhom l-ulied kellhom jaffaċċjaw problemi matrimonjali jew għal xi raġuni tilfu lil żwieġhom – baqgħu sodi biex joffru l-aħjar kwalità ta’ ħajja possibbli lil uliedhom. B’mod speċjali dawk li wara li wliedhom irnexxielhom jilħqu l-miri edukattivi tagħhom, pattew lil ommhom b’kumpens ta’ gratitudni li għalih l-omm lesta tinsa kull sagrifiċċju li setgħet kellha tgħaddi minnu, anke jekk xi drabi kienet fil-qiegħ nett.

Niftakru wkoll f’dawk l-ommijiet kollha li għalkemm qatt ma waslu biex inisslu lil uliedhom minħabba diversi raġunijiet fosthom ta’ saħħa, għażlu li jieħdu deċiżjoni daqstant b’saħħitha u jadottaw trabi li fl-aħħar mill-aħħar l-għajta tagħhom ta’ ‘ma’ hija tifsira ta’ tama ġdida għal dawk l-ulied li b’mod reċiproku qatt ma kienu jistgħu jiċċelebraw il-ġurnata t’għada bl-istess mod. Għalina dawn ukoll jixirqilhom kull tifħir u mħabba.

Għada niċċelebraw l-ommijiet kollha. Niċċelebraw lil dawk kollha li rnexxew u anke dawk li sfortunatament setgħu żbaljaw fir-rwol tagħhom imma ddispjaċiehom. Għada tajjeb li nieqfu u napprezzawhom kollha. Nemmnu li l-ebda sinjur m’għandu vantaġġ f’dan l-objettiv, għax l-ifqar fostna kapaċi jagħti l-aqwa rigal lil ommu għax fejn tidħol l-imħabba tal-ulied u l-apprezzament reali ta’ dak kollu li jkunu rċevew, m’hemm l-ebda somma ta’ flus jew rigal materjali li jista’ jiġi kkumparat.

Ekonomija

Sport