Tuesday, December 24, 2024

JUM IL-MARA: RIKONOXXIMENT LEJN IN-NISA, DEJJEM U KULLIMKIEN

Aqra wkoll

F’dan l-aħħar snin pajjiżna għamel avvanzi kbar f’kull qasam tal-ħajja. Mexa ‘l quddiem ekonomikament, avvanza soċjalment u mmatura politikament, filwaqt li kompla jibni fuq it-tajjeb kollu li sar fis-snin imgħoddija.

Pajjiżna, illum jista’ jiftaħar li rabba ekonomija reżiljenti u għax huwa hekk inċentiva ħafna l-qasam soċjali u wettaq riformi kbar li ftit li xejn konna nobsru li jistgħu jitwettqu. Ingħataw ukoll drittijiet u libertajiet ġodda li saħħew l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà, mhux l-inqas fid-dinja tax-xogħol.

Bħal-lum ta’ kull sena nfakkru Jum il-Mara f’pajjiżna. Jum li sa ftit ilu kien jissimbolizza l-inugwaljanzi u disparitajiet kbar bejn is-sessi kważi f’kull qasam tal-ħajja. In-nisa kienu meqjusa bħala oġġett li jrid jibqa’ statiku fejn jitpoġġa bla ma jitħarrek.

Sa ftit ilu, is-soċjetà Maltija, fil-kultura u mentalità tagħha, kienet wisq patrijarkali u sehem il-mara kien biss li tieħu ħsieb id-dar, twelled u trabbi t-tfal sa ma jikbru. Kollox u kulma jsir kien jiddependi fuq ir-raġel li kien glorifikat bħala l-persuna li bil-qliegħ tiegħu jgħajjex il-familja. Snin ilu, pajjiżna ma kienx jiġi influwenzat mill-progress li kien iseħħ f’pajjiżi qribna, partikolarment fil-pajjiżi tal-Ewropa.

Iżda, xejn ma jista’ jwaqqaf il-progress u ż-żminijiet jinbidlu u magħhom, aktar iva milli le, jinbidlu l-mentalità, it-tradizzjonijiet u d-drawwiet u allura l-mod tal-għajxien tal-poplu. Fortunatament, pajjiżna beda jagħraf li n-nisa għandhom l-istess ħiliet tal-irġiel u kapaċi jibnu karriera għalihom. B’hekk l-irwol tan-nisa fis-soċjetà tagħna beda jingħata iktar importanza u għarfien.

Għalhekk, illum Jum il-Mara huwa iktar ċelebrazzjoni tal-mixja ‘l quddiem u l-emanċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà li ssawwar lil dan il-poplu. Issa sta għal kull mara biex tkompli l-mixja tagħha. Tkompli tissielet għal drittijietha u taħtaf kull opportunità li tiġi quddiemha biex tissokta ssaħħaħ is-sehem tagħha fis-soċjetà, mhux l-inqas fuq il-post tax-xogħol fejn taħdem.

Iżda jsir kemm isir progress, dejjem ikun għad jonqos xi jsir biex pajjiżna jilħaq livell sħiħ ta’ ugwaljanza bejn is-sessi. Mhux biss f’dawk li huma drittijiet ċivili imma wkoll drittijiet f’dawk il-postijiet tax-xogħol fejn in-nisa għad m’humiex jingħataw l-istess ħlas daqs l-irġiel għall-istess xogħol.

Fil-kuntest ta’ dan kollu ma nistgħux ma nfakkrux illi l-GWU kienet minn tal-ewwel, jekk mhux l-ewwel organizzazzjoni f’Malta li għexieren ta’ snin ilu bdiet tħallas pagi ndaqs lill-impjegati rġiel u nisa tagħha. Għalkemm ħafna snin wara, dan għandu jservi ta’ eżempju lil dawk il-postijiet tax-xogħol fejn l-isfruttament tal-ħaddiema nisa għadu persistenti.

Aħna konvinti li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-GWU mhux se tabdika r-responsabbiltà li tibqa’ taħdem u tistinka kemm hemm bżonn biex tmexxi ‘l quddiem id-drittijiet umani tan-nisa sakemm tiġi eradikata kull diskriminazzjoni fil-postijiet tax-xogħol. U dan tkompli tagħmlu mhux għax Jum il-Mara imma dejjem u kullimkien.

Ekonomija

Sport