“Dan il-gvern se jibqa’ kommess li jagħti s-sapport neċessarju lil dan is-settur. Dan ma ngħiduhx biss bil-kliem iżda bil-fatti konfermati f’budget li fih tħabbru diversi miżuri fosthom dawk immirati lejn sajjieda żgħażagħ, bastimenti tradizzjonali kif ukoll investiment infrastrutturali għal ġid tas-sajjieda kollha.”
Iddikjarat dan is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said f’kummenti lil dan is-sit, hekk kif ilbieraħ ġie ċelebrat il-Jum Dinji tas-Sajd.
Bugeja Said appellat li dan il-jum ma jkunx biss okkażjoni ta’ darba u filwaqt li sellmet lil dawk kollha involuti f’dan is-settur, inklużi s-sajjieda u l-familji tagħhom, appellat lill-konsumatur Malti biex japprezza kemm jiflaħ il-prodott frott il-bżulija ta’ dawn is-sajjieda lokali.
Sostniet li hija li għandha għal qalbha dan is-settur tifhem l-isfidi ta’ dawk kollha li tagħmilha magħhom ta’ kuljum hi u titkellem man-nies. “Jekk sas-sena l-oħra, qabel bdiet il-gwerra, kaxxa liska – li tintuża biex issir sajda – kienet tiswa mat-€38, illum l-istess kaxxa tiswa madwar €50. Għandek iż-żieda fil-prezzijiet tal-materjal relatat mal-irkapti tas-sajjieda fosthom il-konzijiet, ix-xbieki u dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sajda”, spjegat Bugeja Said filwaqt li aċċennat għal skema li nieda l-gvern ftit tal-jiem ilu mmirata li tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż.
Skema li minnha kull sajjied jista’ jirkupra uħud mill-ispejjeż li qegħdin jiffaċċja kawża ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.
Rigward ħidma kontinwa fuq livell internazzjonali Bugeja Said qalet li pajjiżi Nordiċi, li qatt ma stadu għat-tonn, qed jitolbu parti mill-kwota Ewropea tat-Tonn lill-Kummissjoni Ewropea. Malta, flimkien ma’ pajjiżi Mediterranji oħra, qed tkun minn ta’ quddiem u voċifera kontra din il-proposta.
“Aħna qed nisħqu li m’għandnix ninsew l-isforzi li għamlu s-sajjieda tagħna sa mill-2007 sabiex irkupra t-tonn billi nipproteġu l-istabbiltà relattiva tal-Unjoni”, tenniet Bugeja Said.
Sabiex jiġi ċċelebrat dan il-jum, din il-ġimgħa se jsiru numru ta’ attivitajiet bis-sehem tas-sajjieda. Dan hekk kif is-Segretarju Parlamentari se tkun qiegħda tiltqa’ mal-istess sajjieda llejla fis-Sala Pompei f’Marsaxlokk.
Il-Ġimgħa, hija se tkun qiegħda tiltaqa’ mas-sajjieda fir-raħal tal-Imġarr fejn fost diskussjonijiet oħra se jkunu qegħdin jitrattaw proġetti interessanti li hemm pjanati biex din l-industrija tibqa’ waħda reżiljenti.