Eżattament sitt xhur wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna li seħħet fl-24 ta’ Frar ta’ din is-sena, il-poplu Ukren qiegħed jiċċelebra Jum l-Indipendenza li kiseb lura fl-1991 proprju meta nfired minn mar-Russja. F’dan il-jum importanti fl-istorja tal-poplu Ukren wieħed jistenna ċelebrazzjonijiet nazzjonali ta’ ferħ bħalma se nagħmlu aħna l-Maltin f’inqas minn xahar ieħor, fil-21 ta’ Settembru, meta anke aħna niċċelebraw il-Jum l-Indipendenza tagħna. Però, illum, l-Ukajna mhiex se toħroġ fit-toroq tal-kapitali tagħha Kyiv biex tiċċelebra. Dan minħabba theddida ta’ attakki aktar ħorox mill-forzi Russi, liema attakki sa mill-bidu tagħhom swew il-ħajja ta’ xejn inqas minn madwar 5,587 nies ċivili, fosthom tfal u 9,000 suldati Ukreni.
Fi traġedja umana kkawżata minn idejn il-bniedem stess li ġiet fi żmien li suppost kien hemm aktar għaqda dinjija wara li bi sforz kollettiv bdejna ħerġin mit-theddida ta’ virus qattiel li sewa l-ħajja ta’ 6.43 miljun persuna, it-tensjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna rriżultaw fi gwerra mdemmija.
Din it-theddida għall-paċi u l-instabbiltà mhiex biss qiegħda taffettwa liż-żewġ pajjiżi konċernati, iżda kif ħafna jafu u qegħdin iħossu, it-theddida hija fuq il-pajjiżi kollha bl-ewwel u l-aktar milquta huma l-pajjiżi ġara Ewropej. Fost il-problemi li wasslet din il-gwerra hemm dik ta’ influss qawwi ta’ immigranti mill-Ukrajna li ħarbu mill-kruha tal-gwerra. Għaldaqstant, f’diversi pajjiżi fejn l-eluf ta’ immigranti Ukreni marru jsibu refuġju, inkluż f’Malta, il-Jum tal-Indipendenza tal-Ukrajna, b’xi mod jew ieħor se jkun iċċelebrata.
Wara l-qtil ta’ bint ħabib ta’ Putin… L-Amerikani jwissu b’suspett ta’ attakk ‘ikrah’
Hekk kif il-midja kollha għandha għajnejha fuq l-aħħar żviluppi tal-gwerra fl-Ukrajna, f’rapport partikolari fuq ir-Reuters jingħad li Zelensky qiegħed jisħaq li Moska jista’ jkun li se tipprova tagħmel ‘attakk ikrah ħafna’. Din l-informazzjoni lill-Prim Ministru Ukren ingħatat minn uffiċjal Amerikan u kien għalhekk li ċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi ta’ din il-ġimgħa, bil-quċċata tagħhom illum, mhumiex permessi fi Kyiv.
Din il-presupposta jew suspettata theddida mir-Russja ġiet proprju jum wara li fih ir-Russja kellha telfa kiefra u ta’ tħassib – dik ta’ Darya Dugina, bint ħabib kbir tal-President Russu Vladimir Putin. Din it-tfajla tilfet ħajjitha traġikament f’Moska meta l-karozza li kienet fiha splodiet u nħakmet min-nirien, qtil li Putin ddeskriva bħala “ħażen pur” u tefa’ t-tort fuq aġenti Ukreni.
Il-komunità Ukrena tiċċelebra l-Indpendenza hawn Malta
“Se nissaħħu aktar u mhux se nċedu”
F’Malta, barra ċittadini Ukreni li għażlu lill-pajjiżna bħala residenza u post fejn jaħdmu, f’dawn l-aħħar xhur ukoll ilqajna fostna numru konsiderevoli ta’ familji mill-Ukrajna li ħarbu mill-konflitt mar-Russja. Din il-komunità lokali wkoll fakkret Jum l-Indipendenza tagħha. Almenu, anke jekk hemm il-weġgħa li mhumiex f’art twelidhom, il-komunità Ukrena f’Malta setgħet tingħaqad biex tiċċelebra dan il-Jum speċjali f’ambjent sigur.
Fil-fatt, ilbieraħ il-komunità Ukrena f’Malta marret ħdejn il-funtana tat-Tritoni l-Belt u tellgħet attività biex tfakkar il-31 anniversarju mill-Indipendenza tal-Ukrajna. F’din l-attività kien hemm wirja tal-wirt kulturali ta’ dan il-poplu u ġew imfakkra l-eroj li ddeffendew l-istess Indipendenza tal-Ukrajna.
Kull tmiem ta’ sajf l-Ukreni jiċċelebraw “Flag Day” (23 ta’ Awwissu) u l-Jum l-Indipendenza (24 ta’ Awwissu) -żewġ festi pubbliċi li jikkommemoraw il-kisba ta’ stat indipendenti Ukren. Dawn il-festi jirriflettu x-xewqa li minn dejjem kellhom in-nies Ukreni li jkun hemm għaqda u sovranità.
Il-Fondazzjoni għall-Komunità Ukrena f’Malta fi stqarrija qalet li din is-sena, “sfortunatament fl-Ukrajna mhux se jkun hemm iċ-ċelebrazzjonijiet tas-soltu. Fuq kollox, mill-24 ta’ Frar 2022, ta’ kuljum ir-Russi qegħdin jippruvaw iċaħdu lill-Ukreni mill-aktar drittijiet importanti – l-indipendenza, is-sovranità u ħajjet l-Ukreni”.
Għal din il-komunità, illum huwa jum li jissimbolizza l-kuraġġ tal-Ukreni kollha li, “minkejja l-bombi u l-qtil, it-torturi u l-agressjoni mir-Russja, aħna ċerti li se nirbħu. Se nissaħħu aktar u mhux se nċedu għax il-libertà tagħna hija tal-akbar valur għall-Ukreni u r-rieda qawwija hija minquxa fl-identità tagħna”.