Josef Bugeja u Theo Vella dwar il-ftehim kollettiv għall-Forzi Armati ta’ Malta
Wara numru ta’ negozjati, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja qal li bis-saħħa tal-GWU, il-ħaddiema membri fl-Armata se jkollhom żieda ta’ €8.2 miljun fis-sena biex jinqasmu bejniethom u għalhekk huwa ddefinixxa l-jum tal-bieraħ bħala jum storiku. Dan hekk kif ilbieraħ sar l-iffirmar tal-ewwel ftehim settorjali tax-xorta tiegħu mal-membri tal-Forzi Armati Malti.
Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv se tingħata skala għola lil kull membru fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta sal-iskala ta’ maġġur. Dan ifisser li mhux se jgawdu minnha biss illum imma se tirrifletti anke fuq il-pensjoni tagħhom. Apparti minn hekk se jkun hemm żieda sostanzjali f’kull allowance illi għandha l-Forzi Armati ta’ Malta u se jibdew jiġu kkumpensati dawk is-suldati li jaħdmu ‘il fuq minn 40 siegħa. Sal-lum dawk il-ħaddiema ma kinux jiġu rikonoxxuti u l-Gvern se jkun qed jikkumpensa għal dan b’allowance speċjali li se jlaħħaq għal €4.5 miljun fil-bwiet tas-suldati tagħna.
“Il-ħaddiema se jkollhom żieda ta’ €8.2 miljun fis-sena biex jinqasmu bejniethom”
Bugeja qal li dan kien jum storiku għax kien mibni fuq diversi xhur ta’ negozjati. “Kburin li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta għażlu lill-GWU biex tirrapreżentahom. Kburin għall-pakkett li rnexxielna nġibu. Ma kinitx faċli u għalhekk damu n-negozjati fejn trid tilħaq lil kulħadd u barra minn hekk trid tkisser kultura li kienet teżisti li s-suldati ta’ Malta kienu jitqiesu inqas minn ħaddiehor. Tant huwa hekk li kienu jaħdmu sigħat iktar u lanqas kienu jitħallsu minnhom. Allura biex tkisser dik il-kultura u ssib min jisimgħek, kienet xi ħaġa straordinarja,” qal Bugeja.
Huwa żied jgħid, “Illum huwa l-qofol tal-ħidma kollha li saret. B’din il-ħidma, illum huwa verament jum storiku. Illum bis-saħħa tal-GWU, il-ħaddiema membri fl-Armata se jkollhom żieda ta’ €8.2 miljun fis-sena biex jinqasmu bejniethom. Dan huwa l-apprezzament li dawn il-ħaddiema kien jixraqilhom.”
Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi Theo Vella ukoll iddefinixxa dan il-jum bħala wieħed storiku u sostna li bħala GWU jinsabu tassew privileġġjati li kellhom l-opportunità li jagħmlu parti minn dawn id-diskussjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar waslu għal dan il-ftehim storiku.
“Dan se jkun ifisser li immedjatament l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta kollha se jibbenefikaw minn żieda fis-salarju bażiku. Se jiġu kkumpensati wkoll għas-sigħat żejda maħduma ‘l fuq minn 40 siegħa. Kien hemm diversi allowances fejn kien hemm żieda sostanzjali ta’ 40% u anke aktar, kif ukoll allowances ġodda. Peress li għamilna xhur twal, ġibna d-differenza fil-paga bażika b’lura minn Jannar 2019. Għaldaqstant, fil-ġimgħat li ġejjin dawn is-suldati se jaraw dħul sostanzjali fil-paga tagħhom. Apparti minn hekk ġibna allowances b’lura minn Jannar ta’ din is-sena. Dan ifisser li l-faxex kollha fl-Armata, fejn qed nitkellmu dwar 11-il grad, se jibbenefikaw minn dan il-ftehim,” qal Vella. Huwa temm jgħid, “Għaldaqstant ma nistgħux ma nkunux sodisfatti li minkejja kelna numru twal ta’ negozjati, fl-aħħar il-Gvern irrikonoxxa li l-valur tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema huwa wieħed li jistħoqqlu dan il-pakkett finanzjarju.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li lbieraħ kien tassew jum memorabbli fejn qed jirringrazzjaw il-ħaddiema tal-Forzi Armati ta’ Malta tal-ħafna li għamlu u huwa jum fejn qed tingħata spinta ta’ motivazzjoni għal dawn il-ħaddiema. Huwa qal li fl-aktar mumenti diffiċli, dawn il-ħaddiema kienu l-frontlines li proteġġew lil pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li minkejja li l-ftehim ġie ffirmat ilbieraħ, dan se jseħħ b’effett retroattiv li jfisser li fil-ġimgħat li ġejjin dawn il-ħaddiema se jieħdu somma bl-arretrata. Huwa temm jgħid li minflok il-Gvern iddeċieda li jagħmel miżuri ta’ awsterità, qed ikompli jagħżel li kulma jmur jinvesti fin-nies. Il-Prim Ministru spjega kif flimkien ma’ dan il-ftehim kollettiv il-Gvern qed jinvesti wkoll f’apparat u bini għall-armata.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li dak li sar ilbieraħ jista’ jinġabar f’żewġ kelmiet: il-valur u r-rispett. Dan għaliex 1,750 ħaddiem tal-Forzi Armati se jingħataw valur akbar u rispett kbir mhux biss lilhom iżda anke lill-familji tagħhom. Huwa qal li tassew jinsab kburi u sodisfatt li wara l-ġimgħa ta’ 40 siegħa, il-ħaddiema se jirċievu allowance tas-sigħat kollha żejda li jkunu ħadmu għalihom. “Sal-lum dawn is-suldati li jirriskjaw ħajjithom għal pajjiżhom il-kundizzjonijiet tagħhom kienu baxxi wisq, ridna nintroduċu anke fil-Forzi Armati l-kunċett ta’ 40 siegħa xogħol u ngħarfu l-bżonnijiet speċjali li għandha l-Armata,” qal il-Ministru Camilleri filwaqt li ddeskriva dan bħala pakkett enormi u wiegħed li dan il-Gvern ser jibqa’ ta’ spalla għall-Forzi Armati ta’ Malta.