Waqt il-Konferenza Kwadriennali tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, Jurgen Azzopardi kien ikkonfermat bħala Segretarju filwaqt li nħatru wkoll il-membri tal-Eżekuttiv tat-Taqsima għall-erba’ snin li ġejjin.
Is-Segretarju Azzopardi, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal, qal li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma mal-Eżekuttiv il-ġdid tat-Taqsima. Qal li dan huwa proċess li se jkompli jġedded it-Taqsima biex ikun hemm kontinwazzjoni fuq ix-xogħol tajjeb li sar fil-passat.
Is-Segretarju Azzopardi rringrazzja lill-amministrazzjoni tal-GWU tal-appoġġ kontinwu li jagħtuh, lis-Segretarji kollha, lid-delegati u l-bqija tal-ħaddiema fil-GWU tal-għajnuna li dejjem sab mingħandhom.
F’diskors tal-għeluq waqt il-konferenza, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja enfasizza li l-GWU hi xi ħaġa ħajja u kontinwament tinbidel għax trid tirrispondi għat-tibdil li jsir fid-dinja tax-xogħol.
“Irridu naraw bħala unjin kif nistgħu nilħqu l-aspirazzjonijiet tan-nies fl-istess waqt li niddefendu dak li ġie akkwistat matul iż-żmien għax id-dinja tax-xogħol qed tinbidel kontinwament,” qal Bugeja li fakkar kif parti minn dan it-tiġdid huwa li l-GWU jkollha Segretarji żgħażagħ.
“Il-ħidma tas-Segretarju hi dik li jsib il-membri, ikollu l-ħaddiema warajh, jindirizza t-talbiet u l-ħtiġijiet li jkun hemm, jiddefendi u jmexxi però waħdu ma jistax jagħmilha,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. “Aħna riflessjoni tal-ħaddiema hemm barra. Dak kollu li sawwarna huma l-għodo li rridu. L-akbar shareholder huwa l-membru. Il-ħaddiem jiggwadanja fit-tul taż-żmien u b’hekk nassiguraw l-impjiegi.”
Huwa kompla billi saħaq fuq l-importanza li jinżamm il-kuntatt man-nies. Hawn irrefera għall-ħidma li jagħmlu r-rappreżentanti tal-ħaddiema, bl-għajnuna tagħhom hi indispensabbli biex it-Taqsima tkompli miexja ’l quddiem.
“Il-ħidma ta’ kulħadd hi meħtieġa u dik hi l-unjin. Is-Segretarju qiegħed hemm biex imexxi imma jrid tim madwaru li jgħinu l-ħin kollu. Flimkien mal-ħaddiema naslu għal ftehim formidabbli. Il-kisbiet li nagħmlu, minħabba l-kobor tagħna,” tenna jgħid Bugeja filwaqt li awgura lis-Segretarju Azzopardi u lill-Eżekuttiv kollu tat-Taqsima aktar ħidma sfiqa b’risq il-ħaddiema.