Il-coach ta’ Liverpool Jurgen Klopp jgħid li r-rebħa tagħhom ta’ 5-0 fuq Manchester United ma’ kinetx mistennija u “tal-ġenn”.
Mohamed Salah skorja hat-trick wara li Naby Keita u Diogo Jota taw lil Liverpool vantaġġ ta’ żewġ goals fl-ewwel 13-il minuta.
B’din ir-rebħa, ir-Reds reġgħu telgħu fit-tieni post tal-klassifika, punt wara Chelsea. Din kienet ukoll l-ikbar rebħa tagħhom f’Old Trafford.
“Hija ġurnata tassew tajba – waħda kbira. Dan huwa kapitlu żgħir fl-istorja tal-klabb,” qal Klopp.
“In-nies se jitkellmu dwarha fil-futur għax mhux se terġa’ tiġri fi żmien twil … jew qatt.”
Fil-kummenti ta’ wara l-logħba huwa żied jgħid: “X’nista’ ngħid? Stennejt hekk? Le.
“Ir-riżultat huwa tal-ġenn. Huwa speċjali imma mhux niċċelebraw b’ewforija kbira għax għandna rispett lejn l-avversarji.
“Konna fortunati f’xi mumenti. Barra minn hekk, il-United mhumiex għaddejjin fl-aqwa mument tagħhom.”
Ir-riżultat, li kien biss it-tieni rebħa ta’ Klopp f’Old Trafford minn mindu sar manager ta’ Liverpool fl-2015, ifisser li Liverpool jibqgħu l-uniku team bla telfa fil-Premier League.
L-opinjonista u ex player ta’ Manchester United, Dion Dublin (1992-94), sostna li din ir-rebħa kienet xogħol ta’ Klopp.
“Biex tagħmel dak li għamel dan it-tim attwali ta’ Liverpool illum f’Old Trafford quddiem 76,000 partitarju u umiljaw lil Manchester United kif għamlu, kienet l-influwenza u l-għerf ta’ Jurgen Klopp,” huwa qal.
“Huwa l-mod ta’ kif hu stabbilixxihom, it-twemmin, ix-xogħol iebes. Ma nistax nitkellem ħafna biżżejjed dwar Liverpool illum – kienu assolutament brillanti.”
Min-naħa ta’ opinjonista ieħor, Jamie Carragher, qal: “Huma jinsabu fi klassi għalihom – dan huwa team speċjali ta’ Liverpool u manager speċjali.
“Ma naħsibx li ħafna nies ħasbu li Liverpool jistgħu jirbħu l-kampjonat, iżda biex jiġu hawn illum u jirbħu, in-nies se jqumu u jindunaw li huma kapaċi jagħmlu dan.”