Il-coach ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-akkwist tal-midfielder internazzjonali Ungeriż ta’ RB Leipzig, Dominik Szoboszlai.
Dan it-trasferiment wasal f’perjodu ta’ erbat ijiem minħabba li r-Reds riedu jattivaw il-klawsola tar-rilaxx tal-kuntratt tiegħu sat-30 ta’ Ġunju.
L-interess ta’ Liverpool fuq dan il-player ta’ 22 sena ġie bħala sorpriża hekk kif ġie żvelat fl-aħħar jiem.
Klopp deher kuntent ħafna li rnexxielu jikseb il-firma ta’ Szoboszlai fejn qal:
“Ninsab kuntent ħafna. Ilni nsegwi lil dan il-player iżda qatt m’għamiltha pubblika. Ħdimna bil-għaqal biex sa fl-aħħar ilħaqna l-objettiv tagħna.
“Diġà għandna ftit għarfien ta’ Dominik bħala avversarju għax kellna logħbiet tassew diffiċli kontra RB Salzburg meta kien player tagħhom. Naħseb min ra dawk il-partiti se jinduna li anke f’dak l-istadju kien prospett tassew interessanti,” qal Klopp.
“Jien ċert li kien għadu żagħżugħ dak iż-żmien u minn dak in-nhar għamel passi kbar – ingħaqad ma’ Leipzig u mar tant tajjeb fil-Bundesliga. Barra minn hekk lagħab mal-Ungerija u mbagħad sar il-captain f’etá tant żgħira.
“Szoboszlai huwa player tal-preżent kif ukoll tal-futur u nemmen li se jkun fost il-protagonisti fit-team tagħna.” temm jgħid Klopp.